STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Iż-żgħażagħ jikkompetu b’ideat għal negozji innovattivi immirati għall-gżira Għawdxija
Gruppi ta’ żgħażagħ fl-aħħar ġimgħat ħadmu biex ippreżentaw ideat ta’ negozju innovattiv li jkun immirat b’mod partikolari lejn il-ħtiġijiet, l-isfidi u l-opportunitajiet għall-gżira Għawdxija.
F’serata li ġiet organizzata f’lukanda ewlenija f’Għawdex, iż-żgħażagħ finalisti li pparteċipaw fil-Youth4Entrepreneurship Gozo 2026 ingħataw l-opportunità jippreżentaw il-proġetti tagħhom quddiem ġurija esperta li evalwat il-proġetti biex setgħet tasal li tagħti premjijiet lill-aħjar ideat skont diversi kriterji. Dawn kienu jinkludu l-kriterju ta’ kemm l-idea tista’ tkun applikata fil-kuntest ta’ Għawdex, il-finanzjament tal-idea, dwar kemm hija idea innovattiva u sostenibbli, jekk tindirizzax problema jew bżonn speċifiku għal Għawdex u l-kwalità ta’ kif saret il-preżentazzjoni tal-idea.
Għas-serata tal-preżentazzjoni tal-proġetti kien preżenti l-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Omar Farrugia, li waqt id-diskors tiegħu rrefera għall-kollaborazzjoni min-naħa ta’ Aġenzija Żgħażagħ mal-organizzaturi mill-Gozo Business Chamber biex setgħet tkun organizzata din il-kompetizzjoni.
It-tema magħżula għall-kompetizzjoni ta’ din is-sena kienet “Digital Solutions for a Smarter Island”, tema li tinkwadra fir-realtajiet tal-lum meta ninsabu fil-qalba ta’ rivoluzzjoni teknoloġika kbira, bl-introduzzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali f’kull qasam tal-ħajja bl-użu tal-mezzi teknoloġiċi għal kull ma jkollna bżonn fil-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant, huwa opportun li ż-żgħażagħ parteċipanti ifittxu soluzzjonijiet diġitali għall-proġetti tagħhom.
F’din il-kompetizzjoni, iż-żgħażagħ parteċipanti ntalbu jindirizzaw l-isfida kbira tal-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer billi jiżviluppaw soluzzjonijiet diġitali li jistgħu jtejbu t-trasport, servizzi għall-Għawdxin, l-informazzjoni u l-infrastruttura. Huma ntalbu wkoll joħolqu proġett li jkun jindirizza l-problema tal-popolazzjoni anzjana dejjem tikber fil-gżira Għawdxija filwaqt li setgħu wkoll joħorġu b’ideat dwar kif iż-żgħażagħ jistgħu jwasslu l-vuċi tagħhom, jipparteċipaw u jikkollaboraw fl-iżvilupp tal-komunitajiet tagħna.
Il-Ministru Omar Farrugia qal kemm huwa ta’ pjaċir li jara dan it-talent enormi taż-żgħażagħ Għawdxin, “Li jimbuttaw ’il quddiem rappreżentazzjonijiet innovattivi, anke bl-użu diġitali fejn tidħol anke l-AI waqt il-Youth4Entrepreneurship.” Qal ukoll kif dawn iż-żgħażagħ żgur li se jibqgħu jsibu lil dan il-gvern li se jkompli jimbotta ’l quddiem dawn “L-opportunitajiet li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin se jibbenefikaw minnhom.”
Kien hemm diversi organizzazzjonijiet oħra li kkollaboraw ma’ Aġenzija Żgħażagħ u l-Gozo Business Chamber biex setgħet tittella’ din il-kompetizzjoni. Fost dawn kien hemm l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, il-Bank of Valletta, JA Malta Foundation, il-Malta Enterprise, Jobsplus, Europe Direct Gozo u l-Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901