Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Malta miegħek: Investiment rekord ta’ €141 miljun għal Għawdex u għall-Għawdxin

PR261863
Date Icon 05/11/2026

Waqt konferenza tal-aħbarijiet relatata mal-Budget 2027, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li l-Budget 2027 qed jagħti lil Għawdex l-akbar allokazzjoni finanzjarja li qatt ingħatat lill-gżira, b'investiment ta' €141 miljun, żieda ta' aktar minn €19-il miljun fuq is-sena 2026, ekwivalenti għal 15.7%.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li “din l-allokazzjoni rekord tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f'Għawdex, itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u joħloq opportunitajiet ġodda għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dan il-Budget jibgħat messaġġ ċar li Għawdex huwa fil-qalba tal-viżjoni ta' pajjiżna. Qed ninvestu fin-nies, fil-ħajja ta' kuljum tal-Għawdxin u fil-futur ta' wliedna, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-identità, il-kultura u l-ambjent uniku tal-gżira."

Huwa kompla jispjega li dan il-Budget ikompli jsaħħaħ il-konnettività bejn Għawdex u Malta. Fost il-miżuri ewlenin hemm il-qsim b'xejn bil-Gozo Channel għall-Maltin u l-Għawdxin li jużaw il-pass, kif ukoll il-bidla fil-prezzijiet tal-biljetti għall-viżitaturi, sabiex dawn jikkontribwixxu għall-infrastruttura u s-servizzi li jużaw. Tkellem ukoll dwar it-tisħiħ li sar fis-servizzi tal-fast ferry, il-ħruġ tat-tender għar-raba' vapur biex jissostitwixxi n-Nikolaos, li se titnieda PQQ biex jinbnew vapuri ġodda tal-Gozo Channel u l-iżvilupp ta' pjan strateġiku fit-tul għall-Port tal-Imġarr. Mill-qasam tal-enerġija, semma investimenti ġodda, fosthom żewġ cables ta' 33kV bejn Malta u Għawdex u l-interconnector ta' 132kV, se jsaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-provvista tal-elettriku fil-gżira.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li l-allokazzjoni għat-toroq arterjali u residenzjali f'Għawdex laħqet l-€10 miljun, bħala parti mill-programm ta' 100 triq residenzjali ġdida fi tliet snin u li se tkompli wkoll il-ħidma fuq toroq arterjali importanti, fosthom it-triq bejn ir-Rabat u Marsalforn, kif ukoll toroq fin-Nadur u l-Qala. Huwa stqarr l-Ministeru għal Għawdex se jkompli jinvesti fir-riġenerazzjoni tal-pjazez u ċ-ċentri tal-irħula, fl-ispazji miftuħa u fl-infrastruttura ekoloġika. Fost il-proġetti ewlenin hemm Victoria Park, ir-riġenerazzjoni tal-playing field u l-immodernizzar tat-terminal tal-karozzi tal-linja fir-Rabat, kif ukoll il-proġett tal-Pjazza tal-Assedju. Il-Ministru Clint Camilleri ħabbar li se jitniedu wkoll inizjattivi ġodda għat-tħawwil ta' siġar indiġeni tul it-toroq Għawdxin, filwaqt li se tkompli l-ħidma fuq proġetti ta' afforestazzjoni u tisbiħ madwar il-gżira.

Il-Ministeru għal Għawdex se jkompli wkoll bil-programm ta' rinnovazzjoni u titjib tal-faċilitajiet edukattivi. Wara t-tlestija ta' skejjel ġodda fin-Nadur, fir-Rabat u f'Ta' Kerċem, il-ħidma se tkompli fl-iskejjel primarji taż-Żebbuġ u tal-Għarb.

Fl-isport, il-Ministru Camilleri sostna li se jkomplu l-investimenti fil-Padiljun Sportiv u Akkwatiku fir-Rabat, filwaqt li se jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-isparar fiż-Żebbuġ. Dan filwaqt li se jibda wkoll il-proċess tal-għażla għat-trakka tal-atletika f'Għawdex. Fil-qasam kulturali, Camilleri semma l-proġett tal-Mużew ta' Għawdex fil-Belt Victoria u l-ħidma preparatorja għal Victoria 2031 se jkomplu jsaħħu l-identità kulturali tal-gżira u jpoġġu t-talenti Għawdxin fuq livell Ewropew u internazzjonali.

Il-Ministru Camilleri fakkar li ftit tal-jiem ilu ġiet inawgurata l-helipad il-ġdida li tgħaqqad l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma' Mater Dei. Din qed ittejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ sptarijiet u tiffaċilita t-trasport tal-pazjenti f'inqas ħin. Barra minn hekk, huwa ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla Villa Lauri f'Birkirkara mistennija tiftaħ il-bibien tagħha biex toffri akkomodazzjoni lill-qraba ta' pazjenti Għawdxin li jkunu qed jirċievu kura fl-Isptar Mater Dei.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Budget 2027 ikompli jibni fuq it-trasformazzjoni li Għawdex esperjenza matul dawn l-aħħar snin, filwaqt li jħares lejn futur li jgħaqqad l-iżvilupp ekonomiku u l-modernizzazzjoni mal-ħarsien tal-ambjent, tal-komunitajiet u tal-karattru uniku tal-gżira.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Malta miegħek: Investiment rekord ta’ €141 miljun għal Għawdex u għall-Għawdxin
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Malta miegħek: Investiment rekord ta’ €141 miljun għal Għawdex u għall-Għawdxin
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow