STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Ikompli t-tisħiħ tal-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema permezz tat-taħriġ u l-koordinazzjoni
Il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni ġusta bejn in-negozji kienu fiċ-ċentru ta’ taħriġ nazzjonali għall-awtoritajiet tal-infurzar, organizzat mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER), b’kollaborazzjoni man-National Liaison Officer tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol għal Malta u bl-appoġġ tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA).
Dan it-taħriġ laqqa’ rappreżentanti tad-DIER, Jobsplus, Identità, l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta (MTCA) u l-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ esperti tal-ELA. Waqt dawn is-sessjonijiet ġew indirizzati l-mobbiltà tal-ħaddiema, il-ħaddiema stazzjonati, l-aġenziji tax-xogħol temporanji, fost oħrajn.
Waqt l-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, saħaq li “Malta ħadet passi konkreti fuq livell nazzjonali biex issaħħaħ il-qafas regolatorju u ta’ infurzar fil-qasam tal-impjiegi. Dan sar b’reazzjoni għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol tagħna u biex jiġi żgurat li t-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mal-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-kompetizzjoni ġusta.”
Il-ministru spjega wkoll li l-bidliet fis-suq tax-xogħol Malti jagħmlu l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet dejjem aktar meħtieġa. Fakkar anke fil-miżuri li ttieħdu biex jissaħħu s-superviżjoni tal-aġenziji tal-impjieg, il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji u t-trasparenza fil-pagi.
Huwa semma wkoll li permezz tal-kollaborazzjoni mal-ELA, l-awtoritajiet Maltin ipparteċipaw f’aktar minn 15-il spezzjoni konġunta u kkoordinata, f’Malta u barra minnha, f’setturi bħall-kostruzzjoni, it-trasport u l-ospitalità. Din il-kollaborazzjoni inkludiet ukoll aktar minn 13-il żjara ta’ studju biex jiġu skambjati esperjenzi u prattiki ma’ pajjiżi oħra.
Id-Direttur Ġenerali tad-DIER Diane Vella Muscat qalet li dan it-taħriġ huwa l-ewwel wieħed fil-forma tiegħu ġewwa pajjiżna, fejn bis-sapport tal-ELA setgħu jitlaqqgħu l-awtoritajiet kompetenti ta’ infurzar f’Malta fejn jidħlu kundizzjonijiet tax-xogħol u labour mobility, biex jaqsmu l-esperjenzi li jgħaddu minnhom ta’ kuljum, jitgħallmu minn xulxin u jaraw kif jistgħu jsaħħu l-koperazzjoni ta’ bejniethom għall-ġid ta’ pajjiżna.
Dan it-taħriġ jagħmel parti mill-isforzi kontinwi tal-ELA biex issaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar fil-qasam tal-mobbiltà tal-ħaddiema. L-awtoritajiet Maltin kellhom l-opportunità jiskambjaw l-għarfien, jaqsmu esperjenzi prattiċi u jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw l-isfidi ta’ suq tax-xogħol li qed jevolvi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261891en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261891