Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Servizzi Ewropej f’Malta torganizza taħriġ li jgħin lill-intrapriżi japplikaw għall-fondi Ewropej

PR261854
Date Icon 04/11/2026

Servizzi Ewropej f'Malta organizzat sessjoni ta' taħriġ għall-intrapriżi bil-għan li tgħin lin-negozji jiżviluppaw l-ideat tagħhom fi proġetti konkreti u jsaħħu l-ħiliet meħtieġa biex japplikaw għall-opportunitajiet ta' fondi Ewropej.

Is-sessjoni laqqgħet rappreżentanti ta' kumpaniji u persuni self-employed għal taħriġ interattiv dwar l-iżvilupp ta' proġetti u l-kitba ta' applikazzjonijiet għall-finanzjament Ewropew.

L-attività kienet indirizzata mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti, kif ukoll mill-Kap tal-EU Funding Support Unit, fi ħdan Servizzi Ewropej f'Malta, Dr Darren Grasso.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza tal-fondi Ewropej biex dawn in-negozji u ħaddiema jkunu jistgħu jibqgħu jikbru, u biex l-ideat tagħhom jinbidlu fi proġetti konkreti li jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet ġodda u jissaħħaħ il-ġid ta' pajjiżna. Faħħar ukoll lil Servizzi Ewropej f'Malta għal din l-inizjattiva li qed tressaq dawn l-opportunitajiet eqreb lejn l-intrapriżi u tgħinhom jifhmu aħjar kif jistgħu jagħmlu użu mill-fondi Ewropej.

“Kommessi li nkomplu nressqu dan l-appoġġ eqreb lejn in-negozji, sabiex aktar intrapriżi jkollhom il-kunfidenza u l-kapaċità li jieħdu l-opportunitajiet li joffru l-fondi Ewropej," kompla l-Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-EU Funding Support Unit ta' Servizzi Ewropej f'Malta, Dr Darren Grasso, spjega kif l-aġenzija toffri assistenza lil diversi entitajiet, fosthom kumpaniji ta' kull daqs u persuni li huma self-employed. Din l-assistenza tinkludi informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' fondi Ewropej, għajnuna fit-tħejjija u l-mili tal-applikazzjonijiet, kif ukoll gwida lill-benefiċjarji li jkollhom bżonn assistenza waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom.

Huwa rrefera wkoll għall-programm ta' taħriġ li Servizzi Ewropej f'Malta ilha toffri għal numru ta' snin lil benefiċjarji differenti fosthom, intrapriżi, għaqdiet volontarji, kunsilli lokali, u entitajiet pubbliċi. Matul dawn l-aħħar ħames snin, l-aġenzija organizzat aktar minn 60 sessjoni ta' taħriġ, li għalihom attendew aktar minn 1,500 parteċipant. Dawn is-sessjonijiet jiffukaw primarjament fuq l-iżvilupp u l-kitba ta' proġetti, kif ukoll fuq il-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti.

Matul is-sessjoni, il-parteċipanti ngħataw informazzjoni dwar opportunitajiet ta' finanzjament għall-intrapriżi, fosthom il-programm Business Enhance. It-taħriġ kopra wkoll kif jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta' proġett, kif jiġu stabbiliti objettivi ċari, kif jkunu ppjanati l-attivitajiet u r-riżultati mistennija, u kif jiġu mħejjija d-dokumenti meħtieġa għall-applikazzjoni.

Permezz ta' eżerċizzji prattiċi li saru fi gruppi u li kienu bbażati fuq sejħa simulata għall-finanzjament, il-parteċipanti kellhom l-opportunità japplikaw l-għarfien miksub u jifhmu aħjar il-passi meħtieġa biex iħejju applikazzjoni.

Permezz ta' dawn l-inizjattivi, Servizzi Ewropej f'Malta tkompli taħdem biex aktar intrapriżi jkollhom l-għarfien u l-appoġġ meħtieġa biex jagħmlu użu mill-opportunitajiet ta' finanzjament li toffri l-Unjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni dwar il-fondi Ewropej u s-servizzi ta' assistenza offruti mill-aġenzija, wieħed jista' jżur https://sem.gov.mt/.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Servizzi Ewropej f’Malta torganizza taħriġ li jgħin lill-intrapriżi japplikaw għall-fondi Ewropej
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Servizzi Ewropej f’Malta torganizza taħriġ li jgħin lill-intrapriżi japplikaw għall-fondi Ewropej
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Servizzi Ewropej f’Malta torganizza taħriġ li jgħin lill-intrapriżi japplikaw għall-fondi Ewropej
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow