Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Malta Miegħek: Il-Ministru Bedingfield iħabbar li l-multa ta’ €235 għal min ipejjep il-kannabis fil-pubbliku se tiddaħħal fis-sistema tal-On The Spot Fines

PR261849
Date Icon 04/11/2026

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield ħabbar li l-multa ta' €235 għal min jinqabad ipejjep il-kannabis f'postijiet pubbliċi bi ksur tal-liġi se tkun qed tiddaħħal fis-sistema tal-On The Spot Fines, biex tkun tista' tinġabar fuq il-post mingħand persuni mhux residenti abitwali f'Malta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Miegħek; il-Ministru saħaq li t-tipjip tal-kannabis fil-pubbliku huwa illegali u jikser id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 537 tal-Liġijiet ta' Malta. Huwa sostna li dan huwa wkoll aġir li jdejjaq lil dawk ta' madwar u għalhekk jeħtieġ aktar infurzar.

“Il-pussess tad-droga, anke f'ammonti żgħar, huwa illegali. It-tipjip tal-kannabis f'postijiet pubbliċi huwa wkoll illegali u m'għandux isir. Irridu aktar infurzar kontra min ma jirrispettax lil ta' madwaru," qal il-Ministru Bedingfield.

Huwa saħaq li l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga trid tkun responsabbiltà kollettiva, b'front nazzjonali wieħed kontra min jisfrutta l-vulnerabbiltà fis-soċjetà. Fl-istess waqt, il-persuni li jbatu minn dipendenza fuq id-droga għandhom jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ, permezz ta' ħidma kontinwa flimkien mal-għaqdiet mhux governattivi.

Sigurtà bħala prijorità fil-Budget 2027

Il-Ministru spjega li s-sigurtà hija element essenzjali għall-prosperità ekonomika ta' pajjiżna, filwaqt li fakkar li Malta tinsab fost l-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja fil-qasam tal-ordni u s-sigurtà.

Għas-sena d-dieħla, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà se jkollu allokazzjoni ta' kważi €500 miljun, li tinkludi €125.5 miljun f'nefqa kapitali. Dan jirrappreżenta żieda ta' €80 miljun fuq is-sena kurrenti.

Fost l-allokazzjonijiet ewlenin hemm:

  • €150 miljun għall-Korp tal-Pulizija;
  • €143 miljun għall-Forzi Armati ta' Malta;
  • €29 miljun għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili;
  • €37 miljun għall-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Il-Ministru qal li l-investiment fil-korpi dixxiplinati huwa investiment fin-nies li ta' kuljum jaħdmu biex jipproteġu lis-soċjetà. F'dan il-kuntest, semma ż-żieda ta' €33 miljun għall-Forzi Armati u ta' €16-il miljun għall-Korp tal-Pulizija, fost investimenti oħra f'apparat, taħriġ, sorveljanza u infrastruttura.

Huwa fakkar ukoll li matul l-aħħar għaxar snin ir-rata tas-serq naqset b'66%, u qal li l-Gvern se jkompli jinvesti kemm fl-infurzar kif ukoll fil-prevenzjoni tal-kriminalità. “Is-sigurtà hija dritt li għandu jgawdi kulħadd," temm jgħid il-Ministru Bedingfield.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Malta Miegħek: Il-Ministru Bedingfield iħabbar li l-multa ta’ €235 għal min ipejjep il-kannabis fil-pubbliku se tiddaħħal fis-sistema tal-On The Spot Fines
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Malta Miegħek: Il-Ministru Bedingfield iħabbar li l-multa ta’ €235 għal min ipejjep il-kannabis fil-pubbliku se tiddaħħal fis-sistema tal-On The Spot Fines
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow