Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Malta miegħek: Arja kkundizzjonata f’10 skejjel oħra, bl-akbar investiment li qatt sar fl-iskejjel tal-Istat

PR261824
Date Icon 30/10/2026
  • Il-Budget 2027 jalloka €1.3 biljun għall-edukazzjoni

Ser tibda l-installazzjoni tal-arja kkundizzjonata f'għaxar skejjel oħra tal-Istat, bħala parti mill-akbar investiment li qatt sar fl-arja kkundizzjonata fl-iskejjel. Programm simili se jitwettaq kull sena sakemm l-iskejjel kollha jkunu mgħammra bl-arja kkundizzjonata.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Budget 2027, li jalloka €1.3 biljun għas-settur edukattiv.

Il-Ministru qal li l-arja kkundizzjonata fl-iskejjel kienet waħda mill-akbar kwistjonijiet li tqajmu miegħu. “Aħna ngħixu f'pajjiż sħun u l-iskejjel tagħna llum jintużaw tul is-sena kollha. Nifhem it-tħassib ta' ġenituri u edukaturi li jekk l-iskola tagħhom mhux se ssir ġdida, se jibqgħu mingħajr arja kkundizzjonata. Huwa tħassib li se nindirizzaw," qal il-Ministru Camilleri.

L-investiment huwa msejjes fuq tliet pilastri. L-ewwel, l-iskejjel kollha li qed jinbnew jew jiġu rinnovati se jkollhom l-arja kkundizzjonata. It-tieni, programm ġdid ta' installazzjoni f'għaxar skejjel oħra, li jitlestew għas-sena skolastika 2027/2028. It-tielet, sejħa kompetittiva biex investituri jużaw is-soqfa vojta tal-iskejjel għall-pannelli fotovoltajċi u, bħala parti mill-ħlas, jagħmlu tajjeb għall-arja kkundizzjonata f'aktar skejjel. Id-dettalji ta' dan il-pilastru se jingħataw fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministru spjega li l-installazzjoni fi skola mhijiex sempliċi daqs it-twaħħil ta' unit. “Skola għandha klassijiet b'għexieren ta' studenti u swali li jilqgħu mijiet. Dak kollu li jsir irid isir skont il-parir tal-esperti, inkella l-investiment ikun għalxejn." Żied li l-investiment irid ikopri wkoll it-titjib fis-sistemi u l-provvista tal-elettriku, xi drabi anke b'substation ġdida.

Il-Ministru qal ukoll li s-sena d-dieħla se tkun sena rekord għal skejjel ġodda, b'Ħal Qormi (€15-il miljun), in-Naxxar (€21.5 miljun) u ż-Żebbuġ, Għawdex (madwar €4 miljun), flimkien mal-Higher Secondary tan-Naxxar. Għaddej ukoll ix-xogħol preparatorju fuq skola ġdida fil-Mellieħa.

Dan parallel ma' ħidma oħra, din id-darba ta' tisbiħ fl-iskejjel eżistenti li ssir minn Edu Infrastructre - L-allokazzjoni għal dan il-programm se tiżdied minn €6 miljun għal €8 miljun, għal aktar xogħlijiet ta' tisbiħ fl-iskejjel eżistenti.

Fir-rigward tal-edukaturi, ġie ffirmat il-ftehim kollettiv tal-Junior College u ntlaħaq ftehim ieħor ma' grupp ta' ħaddiema fl-MCAST li ser jiġi ffirmat il-ġimgħa li ġejja. Se jkun hemm ukoll investiment akbar fit-taħriġ ta' LSEs ġodda li jiġu ngaġġati.

L-istipendji se jiżdiedu għal kulħadd bl-ekwivalenti tal-COLA, filwaqt li matul l-2027 se jiġu introdotti stipendji għal studenti fil-qasam marittimu u għal dawk li qed iħejju ruħhom għal-liċenzja ta' pilota. Se jinħolqu wkoll spazji ta' kalma fl-iskejjel għal tfal newrodiverġenti.

“Pajjiżi oħra l-istudenti jipprotestaw fit-toroq. Hawn inżidulhom l-istipendju. Għax dan Gvern li jkun miegħek f'kull pass tal-ħajja. U meta l-Gvern ikun miegħek, Malta tkun miegħek," temm il-Ministru Camilleri.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Malta miegħek: Arja kkundizzjonata f’10 skejjel oħra, bl-akbar investiment li qatt sar fl-iskejjel tal-Istat
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Malta miegħek: Arja kkundizzjonata f’10 skejjel oħra, bl-akbar investiment li qatt sar fl-iskejjel tal-Istat
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow