Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Id-Deputat Prim Ministru jniedi l-Kampanja ta' Tilqim Staġjonali 2026/2027- Inqas influwenza, aktar mumenti għalik

PR261823
Date Icon 30/10/2026


Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg nieda l-Kampanja ta' Tilqim Staġjonali 2026/2027, li se tibda nhar it-Tnejn, 2 ta' Novembru 2026.

Il-kampanja se toffri tilqim kontra l-influwenza staġjonali, il-COVID-19 u infezzjoni pnewmokokkali, mingħajr ħlas lill-persuni eliġibbli. It-tilqim jibqa' wieħed mill-aktar mezzi effettivi biex jitnaqqas ir-riskju ta' mard serju u kumplikazzjonijiet minn infezzjonijiet respiratorji, partikolarment matul ix-xhur tax-xitwa.

Id-Deputat Prim Ministru kien fost l-ewwel li ħadu t-tilqima u ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex jagħmel l-istess. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Ministeru u lill-professjonisti tas-saħħa li ħadmu biex il-vaċċini jkunu disponibbli fil-ħin minkejja l-isfidi internazzjonali u biex is-servizz tat-tilqim jingħata bl-aħjar mod possibbli.

“Mit-Tnejn li ġej, il-Ministeru għas-Saħħa, se jibda jagħti t-tilqim staġjonali. Inħeġġeġ lil dawk kollha li s-soltu jieħdu t-tilqim biex jerġgħu jagħmlu dan, għaliex huwa importanti għalihom u għal dawk ta' madwarhom. Inħeġġeġ ukoll lil dawk li qed jikkunsidraw li jiħduh għall-ewwel darba biex jinfurmaw ruħhom, jieħdu d-deċiżjoni u jersqu għat-tilqim," qal Dr Borg.

Din is-sena, it-tilqim se jkun disponibbli permezz taċ-Ċentri tas-Saħħa f'Malta u Għawdex, il-kliniċi tas-Servizz Nazzjonali tal-Immunizzazzjoni għat-tfal, l-adolexxenti u nisa tqal u l-Kunsilli Lokali parteċipanti; u tobba li jaħdmu fis-settur privat u li jiksbu vaċċini mixtrija mill-Gvern. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jagħmel użu mis-servizz ta' tilqim l-aktar konvenjenti għalih.

Il-Gvern qed joffri dawn il-vaċċini mingħajr ħlas kif ġej:

  • Il-vaċċin kontra l-influwenza staġjonali: disponibbli għall-persuni kollha minn sitt xhur 'il fuq;
  • Il-vaċċin kontra l-COVID-19: disponibbli għall-persuni kollha minn sitt xhur 'il fuq; u
  • Il-vaċċin PCV20 kontra l-pnewmokokku:  disponibbli għall-adulti ta' 60 sena jew aktar, kif ukoll għal persuni taħt is-60 sena li għandhom kundizzjonijiet mediċi kroniċi li jagħmluhom eliġibbli. Il-vaċċin PCV20 jingħata darba biss, għalhekk dawk li diġà ħaduh m'għandhomx jerġgħu jieħduh.

It-tliet vaċċini jistgħu jingħataw fl-istess żjara, skont l-eliġibbiltà klinika tal-persuna u l-valutazzjoni tal-professjonist tas-saħħa li jkun qed jagħti t-tilqim.

Mit-2 ta' Novembru 2026, l-adulti u l-adolexxenti minn 13-il sena 'il fuqjistgħu jattendu fil-kmamar tat-trattament taċ-Ċentri tas-Saħħa u mhux meħtieġ appuntament għall-ħinijiet u l-postijiet indikati hawn taħt.

Mill-Ħadd sal-Ġimgħa, inklużi l-festi pubbliċi iżda eskluż is-Sibt, it-tilqim se jkun disponibbli bejn is-1:00 p.m. u s-7:00 p.m.f'dawn iċ-ċentri:

  • Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Bormla;
  • Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara;
  • Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi; u
  • Iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta.

Mit-Tnejn sal-Ħadd, inklużi s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi it-tilqim se jkun disponibbli bejn is-1:00 p.m. u s-7:00 p.m. f'dawn iċ-ċentri:

  • Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta;
  • Il-Hub tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid;
  • Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana;
  • Iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira;
  • Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Kirkop; u
  • Iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex.

Il-persuni kollha li jattendu għat-tilqim għandhom jippreżentaw karta tal-identità valida. It-tilqim kontra l-pnewmokokku huwa disponibbli b'mod regolari għall-adulti ta' 60 sena jew aktar. Adulti vulnerabbli taħt is-60 sena jeħtieġu Ċertifikat mingħand tabib li tikkonferma l-eliġibbiltà tagħhom għal dan it-tilqim.

Se jsiru sessjonijiet apposta għat-tilqim tat-trabi, it-tfal u l-adolexxenti minn sitt xhur sa 12-il sena, kif ukoll għan-nisa tqal, f'dawn il-kliniċi:

  • Il-Klinika tas-Servizz Nazzjonali tal-Immunizzazzjoni fil-Furjana, għal Malta; u
  • Il-Klinika tas-Servizz Nazzjonali tal-Immunizzazzjoni fir-Rabat, għal Għawdex.

Għal dawn is-sessjonijiet, mhux meħtieġ appuntamentu t-tilqim se jkun disponibbli bejn is-7:30 a.m. u s-2:00 p.m. fid-dati li ġejjin:

  • Is-Sibt, 7 u l-Ħadd, 8 ta' Novembru 2026;
  • Is-Sibt, 14 u l-Ħadd, 15 ta' Novembru 2026;
  • Is-Sibt, 21 u l-Ħadd, 22 ta' Novembru 2026;
  • Is-Sibt, 28 u l-Ħadd, 29 ta' Novembru 2026;
  • Is-Sibt, 5 u l-Ħadd, 6 ta' Diċembru 2026;
  • Is-Sibt, 12 u l-Ħadd, 13 ta' Diċembru 2026; u
  • Il-Ħadd, 27, it-Tnejn, 28, it-Tlieta, 29 u l-Erbgħa, 30 ta' Diċembru 2026.

Il-ġenituri jew il-gwardjani legali li jakkumpanjaw lit-tfal huma mitluba jġibu magħhom:

  • Il-karta tal-identità tal-ġenitur jew tal-gwardjan legali; u
  • Il-ktejjeb tat-tifel jew tat-tifla, magħruf bħala l-Baby Booklet.

Din is-sena se jiġu organizzati wkoll sessjonijiet ta' tilqim staġjonali permezz tal-Kunsilli Lokali parteċipanti, biex it-tilqim ikun aktar aċċessibbli fil-komunitajiet.

Minħabba li l-arranġamenti u d-dati jistgħu jvarjaw minn lokalità għal oħra, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jikkuntattja direttament lill-Kunsill Lokali tiegħu biex jikkonferma jekk hux qed jipparteċipa u jikseb id-dettalji dwar id-data, il-ħin u l-post tas-sessjoni tat-tilqim fil-lokalità tiegħu.

Fl-istess waqt, it-tobba li jaħdmu fis-settur privat jistgħu jiksbu provvisti ta' vaċċini kontra l-influwenza, il-COVID-19 u l-pnewmokokku (PCV20), mixtrija mill-Gvern, biex jagħtuhom lill-pazjenti eliġibbli fil-prattika privata tagħhom. Għaldaqstant, il-pazjenti li jippreferu jieħdu t-tilqim staġjonali mingħand it-tabib tal-familja tagħhom jew mingħand tabib ieħor fis-settur privat jistgħu jikkuntattjaw lit-tabib tagħhom direttament biex jiċċekkjaw jekk hux qed joffri dan is-servizz.

L-influwenza, il-COVID-19 u l-infezzjonijiet ikkawżati mill-l-pnewmokokku jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet serji, partikolarment fost l-anzjani, it-tfal minn sitt xhur sa ħames snin, il-persuni b'kundizzjonijiet mediċi kroniċi, in-nisa tqal, il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u persuni vulnerabbli oħra.

Il-monitoraġġ attwali f'Malta jindika żieda fil-każijiet ta' mard b'sintomi li jixbħu lil dawk tal-influwenza hekk kif jibda l-istaġun tal-infezzjonijiet respiratorji, għalkemm il-livelli jibqgħu ġeneralment simili għal dawk irreġistrati fl-istess perjodu fi staġuni preċedenti. Sa issa ma ġiet osservata l-ebda żieda relatata fid-dħul fl-isptar. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika se tkompli tiġi mmonitorjata matul il-ħarifa u x-xitwa.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa jħeġġu lill-pubbliku biex ma jipposponix it-tilqim sakemm l-infezzjonijiet respiratorji jinfirxu aktar. It-tilqim qabel iż-żieda fiċ-ċirkolazzjoni ta' dawn l-infezzjonijiet fix-xitwa jagħti żmien lill-ġisem jiżviluppa l-protezzjoni u jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta' mard serju.

Ipproteġi lilek innifsek u lil dawk ta' madwarek - ħu t-tilqim din ix-xitwa.Inqas influwenza, aktar mumenti għalik!

Għal aktar informazzjoni, żur il-websajt https://influwenza.gov.mt.

Ritratt: ODPM-MFH

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Id-Deputat Prim Ministru jniedi l-Kampanja ta' Tilqim Staġjonali 2026/2027- Inqas influwenza, aktar mumenti għalik
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow