STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI “L-investiment kontinwu fl-edukaturi huwa investiment dirett fl-istudenti tagħna” – il-Ministru Rosianne Cutajar
Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar iltaqgħet ma’ edukaturi u amministrazzjoni tal-iskejjel li qed jipparteċipaw f’taħriġ dwar kif l-istituzzjonijiet edukattivi jistgħu jkunu aktar imħejjija biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni, il-polarizzazzjoni u narrattivi kontra d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jkomplu jsaħħu ambjenti edukattivi inklużivi u bbażati fuq l-evidenza.
It-taħriġ huwa msejjes fuq ‘L-indirizzar tad-diskors kontra d-drittijiet fl-edukazzjoni,’ żviluppat bħala parti mis-Sett ta’ Għodod għall-Edukazzjoni Inklużiva tal-Kunsill tal-Ewropa u IGLYO – l-Organizzazzjoni Internazzjonali taż-Żgħażagħ u l-Istudenti LGBTQI. Huwa mfassal b’mod parteċipattiv u adattat għall-kuntest edukattiv Malti, b’eżerċizzji prattiċi, diskussjonijiet u xenarji bbażati fuq sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu fil-komunitajiet edukattivi.
Waqt il-laqgħa mal-parteċipanti, il-Ministru saħqet fuq l-importanza tal-iżvilupp professjonali kontinwu tal-edukaturi u t-timijiet tat-tmexxija tal-iskejjel, partikolarment fid-dawl tar-realtajiet ġodda li qed jiffaċċjaw it-tfal u ż-żgħażagħ. “Naf kemm l-edukazzjoni ma tieqaf qatt tevolvi. Ir-realtajiet li qed jgħixu fihom l-istudenti tagħna jinbidlu kontinwament, u għalhekk huwa importanti li l-edukaturi tagħna jibqgħu jingħataw l-opportunitajiet, l-għodod u l-appoġġ meħtieġ biex jiżviluppaw magħhom,” qalet il-Ministru Cutajar.
Il-Ministru osservat ukoll li llum it-tfal u ż-żgħażagħ huma esposti għal dinja ta’ informazzjoni ferm usa’ minn dik li jiltaqgħu magħha fil-klassi jew fid-dar. L-aċċess għall-midja internazzjonali, il-midja soċjali u pjattaformi diġitali jfisser li l-fehmiet tagħhom jistgħu jiġu influwenzati minn fluss kontinwu ta’ informazzjoni u narrattivi, kif ukoll mill-algoritmi li jinfluwenzaw il-kontenut li jidher fuq l-iskrins tagħhom.
“Ma nistgħux nippruvaw niġġieldu jew nikkontrollaw kull informazzjoni li tasal għand iż-żgħażagħ minn kull rokna tad-dinja. Ħafna minnha tinsab lil hinn mill-kontroll tagħna. Għaldaqstant għandna nagħtuhom l-għodod biex jinnavigaw din ir-realtà b’mod kritiku, responsabbli u infurmat. Irridu ngħinuhom jistaqsu, jiddistingwu bejn sorsi affidabbli u informazzjoni qarrieqa, jisfidaw dak li jaraw u jisimgħu, u jidħlu f’diskussjonijiet b’rispett lejn ħaddieħor,” qalet il-Ministru Cutajar.
F’dan il-kuntest, it-taħriġ jesplora approċċi prattiċi u bbażati fuq l-evidenza biex jiġu indirizzati konversazzjonijiet diffiċli, kif ukoll ir-rwol tat-tmexxija tal-iskejjel fl-appoġġ lill-edukaturi, fil-protezzjoni tal-istudenti u l-ħaddiema, u fit-tisħiħ tal-preparazzjoni istituzzjonali, is-salvagwardja u l-komunikazzjoni.
It-taħriġ għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-parteċipanti li jagħrfu kif id-diżinformazzjoni, in-narrattivi kontra d-drittijiet u l-polarizzazzjoni jistgħu jitfaċċaw u jinfirxu fi ħdan il-komunitajiet tal-iskejjel; jesploraw modi prattiċi u bbażati fuq l-evidenza biex jindirizzaw konversazzjonijiet diffiċli; u jidentifikaw passi konkreti li jistgħu jsaħħu l-preparazzjoni, il-komunikazzjoni, is-salvagwardja u r-responsabbiltà kondiviża fl-istituzzjonijiet edukattivi.
Other Press Releases:
PR261891en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261891