Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-progress fis-settur tal-proprjetà jrid jissarraf fi kwalità ta' ħajja aħjar għan-nies – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261783
Date Icon 23/10/2026


Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-importanza tal-amministrazzjoni professjonali tal-proprjetà li tipproteġi l-investiment tal-familji u tiżgura ambjent residenzjali aħjar.

Dan waqt attività li fakkret is-60 anniversarju mit-twaqqif ta' Victor Estate. Negozju tal-familja Malti li jaħdem fil-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-proprjetà. Permezz ta' servizzi ta' manutenzjoni, sigurtà u rispons, jgħin biex il-binjiet jinżammu aħjar u r-residenti jkunu moqdija aħjar.

Il-Prim Ministru feraħ lill-familja Bajada, lit-tmexxija u lill-ħaddiema tal-kumpanija għas-sittin sena ta' ħidma, li matulhom in-negozju baqa' jevolvi minn ġenerazzjoni għal oħra u jadatta għall-ħtiġijiet ta' settur li nbidel sostanzjalment.

Dr Abela spjega li l-progress fis-settur tal-proprjetà jrid jitkejjel ukoll mill-manutenzjoni tal-binjiet, mill-kwalità tal-amministrazzjoni u minn kemm ir-residenti jħossuhom siguri u moqdija fl-ambjent fejn jgħixu.

“Fl-aħħar mill-aħħar, proprjetà mhijiex biss investiment finanzjarju. Għal ħafna familji Maltin u Għawdxin, hija l-akbar investiment li jagħmlu f'ħajjithom. Għalhekk, għandna responsabbiltà kollettiva li niżguraw li dak l-investiment jibqa' protett u li l-kwalità tal-ħajja tagħhom tibqa' fil-qalba tad-deċiżjonijiet li nieħdu," sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern fl-aħħar snin impenja ruħu biex isaħħaħ l-istandards fis-settur tal-proprjetà u l-kostruzzjoni, fosthom bit-twaqqif tal-BCA u t-tisħiħ tal-OHSA permezz ta' liġi ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Ħidma li qed tkompli bir-riforma tal-appelli tal-ippjanar, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament, biex id-dritt tal-appell ikun wieħed effettiv u tissaħħaħ il-protezzjoni tar-residenti.

Dr Abela laqa' l-investiment minn ta' Victor Estate fit-teknoloġija, fit-taħriġ professjonali u f'servizzi ta' sigurtà u rispons. Spjega kif dawn jistgħu jtejbu l-komunikazzjoni mar-residenti, isaħħu t-trasparenza dwar l-ispejjeż u l-manutenzjoni u jwasslu biex il-problemi jiġu indirizzati aktar malajr.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta' bilanċ bejn l-opportunitajiet ekonomiċi li joħolqu x-short lets u r-rispett lejn ir-residenti. “Irridu settur turistiku b'saħħtu, iżda fl-istess ħin irridu nirrispettaw il-kwalità tal-ħajja ta' dawk li jgħixu f'dawn il-komunitajiet. Il-fatt li xi ħadd ikun qed jagħmel użu minn proprjetà għal skopijiet turistiċi ma jistax ifisser li l-ġirien għandhom iġorru l-konsegwenzi ta' nuqqas ta' amministrazzjoni jew ta' responsabbiltà," saħaq Dr Abela.

Il-Prim Ministru temm billi ħeġġeġ lill-kumpanija tkompli tinvesti, issaħħaħ il-professjonalità u tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tas-servizzi tagħha.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-progress fis-settur tal-proprjetà jrid jissarraf fi kwalità ta' ħajja aħjar għan-nies – Il-Prim Ministru Robert Abela
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-progress fis-settur tal-proprjetà jrid jissarraf fi kwalità ta' ħajja aħjar għan-nies – Il-Prim Ministru Robert Abela
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow