Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Qafas aktar b’saħħtu għall-BCRS biex jitjieb is-servizz lill-konsumaturi

PR261782
Date Icon 23/10/2026

Minn meta bdiet topera l-Iskema għar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb (BCRS), inġabru aktar minn 900 miljun kontenitur. Fid-dawl ta' dan ir-riżultat, il-Gvern introduċa pakkett komprensiv ta' miżuri biex ikompli jtejjeb l-affidabbiltà, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizz. B'enfasi partikolari fuq it-tħaddim tal-magni awtomatiċi li jiġbru l-kontenituri u r-rifużjoni tad-depożitu (RVMs), sabiex il-konsumatur jingħata servizz aħjar u aktar affidabbli.

“Il-ġbir ta' aktar minn 900 miljun kontenitur tax-xorb juri li n-nies qed jagħtu sehemhom biex jipproteġu l-ambjent. Ir-responsabbiltà tagħna bħala Gvern hija li niżguraw li s-sistemi li nwaqqfu jaħdmu sew. Smajna dak li qed jgħidu l-konsumaturi u identifikajna fejn hemm bżonn ta' titjib. Għalhekk, qed nintroduċu standards aktar stretti, aktar responsabbiltà u aktar għażliet biex il-kontenituri jkunu jistgħu jinġabru b'mod aktar faċli. L-operaturi tal-Iskema għandhom jiżguraw li jipprovdu s-servizz li l-pubbliku jkun qed jistenna," qalet il-Ministru għall-Enerġija u l-Ambjent, Miriam Dalli.

“Kull kontenitur li jinġabar ifisser kontenitur inqas li jista' jispiċċa fit-toroq, fil-kampanja jew fil-baħar, u opportunità oħra biex materjali ta' valur jerġgħu jintużaw. L-għanijiet ambjentali tagħna jridu jimxu id f'id mar-realtajiet ta' kuljum tan-nies. Jekk irridu nħeġġu aktar familji jadottaw drawwiet sostenibbli, irridu nagħmlulhom dawn l-għażliet aktar faċli, konvenjenti u ta' benefiċċju għalihom. Hekk nibnu ekonomija ċirkolari aktar b'saħħitha: permezz ta' politika ambjentali li twassal għal riżultati konkreti, servizzi li jirrispettaw il-ħin tan-nies u sistema li taħdem aħjar għal kulħadd," żiedet tgħid il-Ministru Miriam Dalli.

L-emendi, introdotti permezz tal-Avviż Legali 256 tal-2026, jibnu fuq l-esperjenza miksuba minn meta bdiet topera din l-Iskema u jistabbilixxu regoli aktar ċari dwar it-tħaddim, il-monitoraġġ u l-iżvilupp tal-BCRS. Dawn l-emendi jintroduċu wkoll aktar miżuri biex jiġi żgurat li din l-Iskema titħaddem b'mod trasparenti, effiċjenti u fl-interess pubbliku.

Il-qafas leġiżlattiv aġġornat jagħti aktar importanza lit-trasparenza u r-responsabbiltà fit-tmexxija tal-Iskema. Dan isaħħaħ is-sorveljanza regolatorja u jintroduċi arranġamenti aktar ċari dwar ir-rappurtaġġ, it-tmexxija u l-immaniġġjar tad-data. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-mod li bih titmexxa l-Iskema u jkomplu jsaħħu  l-fiduċja tal-pubbliku fl-użu tagħha.

L-emendi għall-Ftehim tal-Liċenzja jistabbilixxu standards minimi ta' servizz għan-netwerk nazzjonali tal-magni awtomatiċi li jiġbru l-kontenituri. B'hekk, il-prestazzjoni tal-Iskema tkun tista' titkejjel skont kriterji ċari u definiti. Il-prestazzjoni tal-operatur liċenzjat tal-Iskema se tiġi evalwata kull ġimgħa skont indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti minn qabel.

Il-qafas aġġornat jibni wkoll fuq sensiela ta' miżuri operattivi li diġà ġew introdotti biex jittejbu l-aċċessibbiltà u l-affidabbiltà tas-servizz. Dawn jinkludu t-tqassim mill-ġdid tal-magni awtomatiċi, tindif aħjar u aktar ħaddiema fil-punti pubbliċi tal-ġbir, tbattil aktar frekwenti tal-magni, aktar ħaddiema fil-punti fejn jinġabru l-aktar kontenituri.

Ir-Regolamenti emendati jistabbilixxu wkoll qafas li jippermetti lil terzi persuni jixtru, jinstallaw u jħaddmu magni awtomatiċi approvati għall-ġbir tal-kontenituri, sakemm dawn ikunu integrati bis-sħiħ fis-sistema nazzjonali tal-BCRS.

Dan jagħti l-opportunità għal aktar investiment f'infrastruttura għall-ġbir tal-kontenituri minn terzi persuni eliġibbli, fosthom bejjiegħa bl-imnut u organizzazzjonijiet oħra.

Il-qafas il-ġdid għalhekk għandu l-għan li jwessa' l-parteċipazzjoni u jżid l-għażliet disponibbli għall-konsumaturi biex jirritornaw il-kontenituri, mingħajr ma jiddgħajfu l-integrità, it-traċċabbiltà u l-kontroll regolatorju tal-Iskema.

Din l-opportunità għal aktar investiment fl-infrastruttura tal-ġbir hija msaħħa wkoll permezz tal-Iskema ta' Circular Return Infrastructure Grant mill-Malta Enterprise, imnedija f'Settembru 2026. Din tipprovdi għajnuna finanzjarja lil bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut eliġibbli li jinvestu f'magni awtomatiċi ġodda għall-ġbir tal-kontenituri jew f'sistemi awtomatizzati oħra li joffru soluzzjonijiet simili.

“Disponibbiltà aħjar tal-magni awtomatiċi tfisser esperjenza aħjar għall-konsumaturi. Il-qafas imsaħħaħ jagħtina standards aktar ċari li abbażi tagħhom inkunu nistgħu nimmonitorjaw u ntejbu l-prestazzjoni tas-servizz," qal l-Inġinier Jason Vella, Kap Eżekuttiv ta' Circular Economy Malta.

Is-servizz ta' ġbir mill-bieb għal bieb għal persuni li għandhom 60 sena jew aktar u għal persuni li għandhom il-Blue Badge huwa wkoll kompletament operattiv. Dan jipprovdi għażla oħra biex dawn il-persuni jirritornaw il-kontenituri b'mod aktar faċli u aċċessibbli. Permezz ta' dan is-servizz inġabru aktar minn 4.6 miljun kontenitur tax-xorb, permezz ta' aktar minn 39,000 żjara għall-ġbir.

Sar ukoll titjib operattiv ieħor, fosthom manutenzjoni u servizz aktar frekwenti fil-punti fejn jinsabu l-magni awtomatiċi, kif ukoll ġbir addizzjonali f'postijiet fejn hemm domanda akbar, partikolarment matul ix-xhur impenjattivi tas-sajf.

Il-qafas imsaħħaħ tal-BCRS għandu l-għan li jtejjeb is-servizz u jiżgura li l-magni tar-rifużjoni tal-fliexken u l-kontenituri jkunu aktar disponibbli għall-pubbliku. Filwaqt li jiġi pprovdut servizz aktar affidabbli u aċċessibbli għall-konsumaturi f'Malta u Għawdex.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow