Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Camilleri jinawgura spazji ġodda għall-isport, it-tagħlim u r-rikreazzjoni fl-Iskola Primarja tax-Xgħajra

PR261781
Date Icon 23/10/2026

Investiment biex l-istudenti jgawdu minn ambjent edukattiv aktar modern, sigur u attrezzat

L-istudenti tal-Iskola Primarja tax-Xgħajra, fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita, issa għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom spazji ġodda u mtejba għall-isport, it-tagħlim u r-rikreazzjoni, wara investiment fit-tisbiħ u l-iżvilupp tal-ambjent ta' barra tal-iskola.

Dawn l-ispazji ġew inawgurati mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, flimkien mal-Kap tal-Iskola, fil-preżenza tal-istudenti. Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru kellu l-opportunità jara mill-qrib il-faċilitajiet ġodda li se jkunu qed jintużaw mill-istudenti u l-edukaturi.

Il-proġett biddel żona li qabel kienet fi stat ta' deterjorament f'ambjent modern u sigur, b'faċilitajiet li joffru aktar opportunitajiet għat-tagħlim u l-attività fiżika. Fost ix-xogħlijiet li saru hemm il-bini ta' grawnd sportiv li jista' jintuża għal diversi dixxiplini, fosthom il-basketball, il-volleyball u t-tennis, kif ukoll żona b'ħaxix artifiċjali għall-futbol u l-logħob, u korsa għall-ġiri.

“Dan huwa investiment dirett fl-istudenti tagħna u fl-esperjenza edukattiva tagħhom. Irridu li kull skola tkun ambjent fejn it-tfal mhux biss jitgħallmu fil-klassi, iżda jkollhom ukoll spazji fejn jistgħu jilagħbu, jipprattikaw l-isport, jesploraw u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Illum qed naraw kif żona li qabel ma setgħetx tintuża kif suppost inbidlet fi spazju li joffri opportunitajiet ġodda lill-istudenti u lill-edukaturi. Bħala Gvern, se nkomplu ninvestu fl-infrastruttura edukattiva biex l-iskejjel tagħna jkunu dejjem aktar siguri, moderni u adattati għall-ħtiġijiet tat-tfal. Għalina, edukazzjoni ta' kwalità tfisser ukoll ambjent li jgħin lil kull student jikber, jitgħallem u jiżviluppa l-potenzjal tiegħu," qal il-Ministru Camilleri.

Il-Kap tal-Iskola Primarja tax-Xgħajra, Valerie Caruana, qalet, “Għalina huwa ta' sodisfazzjon kbir li llum għandna bitħa ġdida, moderna, attrezzata u sigura. Ninsabu ħerqana li naraw lit-tfal tal-iskola tagħna tax-Xgħajra, jibdew jużaw dawn l-ispazji b'mod regolari u jieħdu gost bl-attivitajiet differenti li jistgħu jsiru fihom. Filwaqt li t-tfal iħossuhom milqugħa bħala, kuntenti u parti minn familja waħda, f'dan l-ambjent mill-isbaħ."

Kairyon Borg, student fl-iskola, qal, “Napprezza li issa għandna bitħa ġdida u ħerqan li nagħmel il-lezzjonijiet tal-PE mal-ħbieb tiegħi u nieħu gost nuża dan l-ispazju ġdid u ngawduha."

Fost il-faċilitajiet ġodda hemm ukoll teatru fil-beraħ, li se jintuża għal attivitajiet edukattivi, kulturali u rappreżentazzjonijiet mill-istudenti, kif ukoll għal-laqgħat u attivitajiet li jinvolvu lill-ġenituri u lill-komunità tal-iskola.

Inħolqu wkoll spazji apposta għat-tagħlim barra mill-klassi, fosthom żona għall-qari u attivitajiet fi gruppi żgħar, ġnien tal-ħxejjex aromatiċi u żona għall-pikniks li tista' tintuża wkoll għal lezzjonijiet u attivitajiet kreattivi. Ġiet żviluppata wkoll għadira edukattiva, b'elementi tal-arkitettura tradizzjonali Maltija, li se tagħti lill-istudenti opportunitajiet biex jitgħallmu dwar l-ambjent, ir-responsabbiltà u l-ħarsien tal-ħlejjaq ħajjin.

Il-proġett jinkludi wkoll korsa għaċ-ċikliżmu, b'sinjali tat-traffiku u pedestrian crossings, biex it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu dwar is-sigurtà fit-toroq f'ambjent ikkontrollat. Fl-ispazji ta' barra ġew introdotti wkoll diversi logħob mal-art, fosthom logħob tradizzjonali Malti, bil-għan li jissaħħu l-koordinazzjoni, il-bilanċ u l-interazzjoni bejn l-istudenti.

Minbarra l-faċilitajiet ġodda, saru xogħlijiet estensivi biex titjieb is-sigurtà tal-iskola. Dawn inkludew il-bini mill-ġdid tal-ħajt tal-konfini, l-invellar tal-art, sistemi ġodda għad-drenaġġ tal-ilma tax-xita, titjib fid-daħla tal-iskola u xogħlijiet ta' tisbiħ fil-faċċati u l-madwar. Ingħatat ukoll attenzjoni lill-ambjent naturali, fosthom permezz tal-preservazzjoni ta' siġra tal-għargħar li ġiet integrata fid-disinn tal-ispazju.

Il-proġett, li x-xogħlijiet tiegħu twettqu permezz tal-Programm ta' EDU Infrastructure, jagħmel parti mill-ħidma biex l-infrastruttura edukattiva tkompli tiġi modernizzata u adattata għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet skolastiċi. Għall-Iskola Primarja tax-Xgħajra qed jiġu kkunsidrati wkoll żviluppi oħra għall-futur, fosthom titjib fil-provvista tal-elettriku li jkun jista' jappoġġja l-installazzjoni ta' sistemi tal-arja kundizzjonata u pannelli fotovoltajċi, kif ukoll espansjoni possibbli tal-faċilitajiet tal-iskola.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Camilleri jinawgura spazji ġodda għall-isport, it-tagħlim u r-rikreazzjoni fl-Iskola Primarja tax-Xgħajra
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Camilleri jinawgura spazji ġodda għall-isport, it-tagħlim u r-rikreazzjoni fl-Iskola Primarja tax-Xgħajra
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Camilleri jinawgura spazji ġodda għall-isport, it-tagħlim u r-rikreazzjoni fl-Iskola Primarja tax-Xgħajra
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Ministru Byron Camilleri jinawgura spazji ġodda għall-isport, it-tagħlim u r-rikreazzjoni fl-Iskola Primarja tax-Xgħajra
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow