Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Għall-ewwel darba, is-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdex f’udjenza mal-Papa Ljun XIV

PR261778
Date Icon 22/10/2026

Għall-ewwel darba, is-Sindki kollha ta' Malta u Għawdex inġabru flimkien għal udjenza mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV fil-Vatikan.

Din l-udjenza ġiet organizzata mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, u għaliha attendiet ukoll il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Emil Vassallo, il-Presidenti Reġjonali u rappreżentanti oħra tas-settur. Preżenti ukoll kien hemm l-Ambaxxatur ta' Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.

Din l-okkażjoni timmarka mument sinifikanti għall-Gvern Lokali Malti, hekk kif ġabet flimkien lir-rappreżentanti tal-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex f'messaġġ komuni ta' għaqda, paċi u solidarjetà. Din l-esperjenza enfasizzat l-importanza li jissaħħu l-valuri tad-djalogu, tar-rispett reċiproku u tal-inklużjoni, filwaqt li kompliet tenfasizza r-rwol tal-mexxejja lokali fil-bini ta' komunitajiet aktar magħquda u qrib in-nies.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza li l-messaġġ ta' paċi, tama u solidarjetà jitwassal fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin permezz ta' ħidma konkreta li tippromwovi l-għaqda u l-inklużjoni. “Il-paċi tibda minn kull wieħed u waħda minna, mill-mod kif nittrattaw lil xulxin u mir-rispett li nuru lejn id-differenzi ta' bejnietna," sostniet il-Ministru.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli ġeddet l-istedina li kienet saret kemm mill-President tar-Repubblika kif ukoll mill-Prim Ministru, sabiex fil-futur qrib ikollna l-unur li nilqgħu fostna fil-Gżejjer Maltin lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV.

Hija temmet billi enfasizzat l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-Gvern Lokali u jappoġġja lis-Sindki fil-ħidma tagħhom favur il-ġid komuni u l-bini ta' soċjetà aktar paċifika u solidali.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, Mario Fava, iddeskriva din l-udjenza bħala opportunità unika biex is-Sindki jwasslu messaġġ komuni dwar l-importanza tal-paċi, l-inklużjoni u s-solidarjetà fil-komunitajiet tagħhom. Huwa saħaq li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol fundamentali fil-bini ta' komunitajiet fejn kull resident iħossu rispettat, mismugħ u parti integrali mis-soċjetà.

Bħala ġest konkret ta' solidarjetà, dawk preżenti għall-udjenza ġabru donazzjoni permezz ta' kontribuzzjonijiet personali. Id-donazzjoni ġiet ippreżentata lid-Dikasteru għas-Servizz tal-Karità tal-Qdusija Tiegħu l-Papa, biex tikkontribwixxi għall-ħidma ta' karità favur persuni u familji li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà u diffikultà.

Matul l-udjenza, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ppreżentat ukoll lill-Papa Ljun XIV platt taċ-ċeramika maħdum u mpitter bl-idejn, li fuqu jidhru l-emblemi tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali kollha ta' Malta u Għawdex. Dan ir-rigal simboliku jirrappreżenta l-identità, l-istorja u l-karatteristiċi distintivi tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin, filwaqt li jiġborhom flimkien f'simbolu wieħed ta' għaqda u appartenenza.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Għall-ewwel darba, is-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdex f’udjenza mal-Papa Ljun XIV
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Għall-ewwel darba, is-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdex f’udjenza mal-Papa Ljun XIV
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow