Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Spazju multisensorjali fl-Emerġenza ta’ Mater Dei biex it-tfal isibu ambjent aktar kalm u sigur waqt il-kura

pr261761
Date Icon 20/10/2026

L-Ambaxxata Ċiniża f’Malta se tappoġġja dan il-proġett b’donazzjoni ta’ €45,000

Ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu l-Ambaxxata Ċiniża f’Malta se tagħti donazzjoni ta’ €45,000 b’appoġġ għall-iżvilupp ta’ spazju multisensorjali għat-tfal fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Dan il-proġett għandu l-għan li joffri ambjent aktar kalm u sigur għat-tfal bl-awtiżmu, bi bżonnijiet addizzjonali jew b’diffikultajiet fl-ipproċessar sensorjali waqt li jkunu qed jirċievu l-kura.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg spjega li żjara fl-Emerġenza tista’ tkun esperjenza stressanti għal kwalunkwe tifel jew tifla. Għal tfal bi bżonnijiet sensorjali partikolari, l-istorbju, id-dawl u l-ambjent mhux familjari jistgħu jagħmlu din l-esperjenza aktar diffiċli. Għalhekk, il-kwalità tal-kura trid tinkludi wkoll ambjent li jilqa’ u jirrispondi għall-bżonnijiet individwali tal-pazjent.

“Malta u ċ-Ċina għandhom storja twila ta’ 54 sena ta’ kooperazzjoni. Dan huwa proġett żgħir iżda sinifikanti ħafna, li permezz tal-kollaborazzjoni tagħna mal-Gvern Ċiniż, irrappreżentat mill-Ambaxxata Ċiniża f’Malta, se jgħinna noħolqu spazju multisensorjali għat-tfal li jiġu għall-kura. Nirringrazzja lill-Ambaxxata għal din id-donazzjoni ġeneruża, li se tagħmel differenza konkreta għat-tfal tagħna u għall-familji tagħhom,” qal id-Deputat Prim Ministru.

L-inizjattiva tifforma parti mill-pjanijiet għall-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza. Madankollu, sabiex dawn it-tfal jingħataw appoġġ minn issa, qed issir ħidma biex jiġi introdott spazju multisensorjali wkoll fid-dipartiment eżistenti. Dan l-ewwel pass se jippermetti li jiġu evalwati l-benefiċċji tiegħu fil-prattika u li l-esperjenzi tat-tfal, tal-ġenituri u tal-professjonisti tas-saħħa jgħinu fl-iżvilupp ulterjuri tas-servizz.

“Inħarsu ’l quddiem biex nevalwaw is-suċċess ta’ dan il-proġett u biex l-esperjenza li niksbu tgħinna ninkorporaw dan is-servizz fl-estensjoni tal-Emerġenza ta’ Mater Dei. Nirringrazzja lill-professjonisti tas-saħħa li ħadmu biex din l-idea titressaq ’il quddiem. Servizz tas-saħħa inklużiv ifisser li nadattaw il-kura għall-bżonnijiet ta’ kull individwu,” żied jgħid Dr Borg.

L-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta Zhang Zuo qal li Malta hija sieħeb importanti taċ-Ċina fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li l-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa hija aspett ewlieni tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. “Huwa partikolarment sinifikanti li din il-kamra, żgħira iżda mfassla b’attenzjoni, sabet postha fl-Isptar Mater Dei, magħruf għar-reputazzjoni tiegħu. Nittama li ngħaqqdu l-isforzi tagħna biex nagħmluha simbolu ta’ ħbiberija u eżempju ieħor tal-kooperazzjoni bejn iċ-Ċina u Malta fil-qasam tas-saħħa. Permezz tal-ħidma tagħna flimkien, nittama li dan il-proġett iġib benefiċċji konkreti lill-popli taż-żewġ pajjiżi, speċjalment lit-tfal u liż-żgħażagħ, filwaqt li jsaħħaħ ir-rabta bejn il-popli tagħna,” qal l-Ambaxxatur Zhang Zuo.

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja wkoll lill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca talli mexxiet din l-idea ’l quddiem u għall-appoġġ tagħha permezz tal-Malta Trust Foundation, li se tkun qed tikkopera fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett.

Min-naħa tagħha, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, qalet: “Huwa tassew ta’ sodisfazzjon li d-Deputat Prim Ministru mill-ewwel wera li qed jisma’ u jifhem il-ħtieġa ta’ spazju multisensorjali fl-Isptar Mater Dei. Is-sodisfazzjon huwa doppju għaliex fittex ukoll l-għarfien u l-esperjenza li għandna bħala Malta Trust Foundation sabiex ngħinu fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. Inħares ’il quddiem biex naraw aktar proġetti simili jilħqu lil dawk kollha li jkollhom bżonn dan l-appoġġ.”

Din l-inizjattiva se tkun ta’ sostenn mhux biss għat-tfal u l-adoloxxenti iżda wkoll għall-ġenituri u l-familji, li f’mument ta’ tħassib dwar saħħet uliedhom għandhom isibu servizz li jifhem u jakkomoda l-bżonnijiet partikolari tagħhom. Għaliex wara kull servizz hemm persuna, wara kull tifel jew tifla hemm familja, u kull wieħed u waħda minnhom ħaqqhom kura li twassal ukoll serħan il-moħħ u dinjità.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Spazju multisensorjali fl-Emerġenza ta’ Mater Dei biex it-tfal isibu ambjent aktar kalm u sigur waqt il-kura
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Spazju multisensorjali fl-Emerġenza ta’ Mater Dei biex it-tfal isibu ambjent aktar kalm u sigur waqt il-kura
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Spazju multisensorjali fl-Emerġenza ta’ Mater Dei biex it-tfal isibu ambjent aktar kalm u sigur waqt il-kura
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow