Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR PROTECHMED: Investiment ta' aktar minn €2.3 miljun biex tissaħħaħ l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà fis-settur tas-serer

PR261755
Date Icon 20/10/2026


Riżorsi Agrikoli Malta (RAM), bħala s-sieħeb Malti fil-proġett PROTECHMED, organizzat l-ewwel Info-Day f'Malta, li laqqgħet flimkien rappreżentanti tal-Gvern, riċerkaturi, istituzzjonijiet edukattivi, bdiewa u operaturi privati sabiex jiġu diskussi soluzzjonijiet innovattivi għas-settur tas-serer fil-Mediterran.

Il-proġett PROTECHMED, kofinanzjat minn fondi Ewropej permezz tal-programm Interreg NEXT MED, għandu investiment totali ta' aktar minn €2.3 miljun, li minnhom €226,500 huma allokati lil Riżorsi Agrikoli Malta. L-għan tiegħu huwa li jippromwovi l-użu ta' teknoloġiji innovattivi li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, tal-enerġija u ta' riżorsi oħra, filwaqt li jsaħħu s-sostenibbiltà, il-kompetittività u r-reżiljenza tal-produzzjoni agrikola fis-serer.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti qal li dan il-proġett huwa eżempju ta' kif il-fondi Ewropej qed jintużaw biex jappoġġjaw ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-settur agrikolu. “Permezz tal-fondi Ewropej qed ninvestu f'inizjattivi li jgħinu lis-settur agrikolu jiffaċċja l-isfidi tal-lum u jipprepara għal dawk tal-futur. PROTECHMED qed joħloq opportunitajiet ġodda ta' kollaborazzjoni, taħriġ u trasferiment tal-għarfien bejn pajjiżi Mediterranji. Dan l-investiment għandu l-għan li jwassal għal benefiċċji konkreti għall-bdiewa tagħna, permezz ta' teknoloġiji aktar effiċjenti u prattiċi agrikoli aktar sostenibbli," tenna l-Ministru Keith Azzopardi Tanti.

Matul l-attività, rappreżentanti ta' SVIMED – EuroMediterranean Center for the Sustainable Development ippreżentaw l-istruttura tal-proġett u diversi case studies, filwaqt li Riżorsi Agrikoli Malta spjegat kif dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jiġu adattati għall-kuntest Malti. Saret ukoll diskussjoni b'parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-Ministeru għall-Agrikoltura, l-MCAST, SVIMED u s-settur privat.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Riżorsi Agrikoli Malta, Dr Marielise Tabone, spjegat li l-parteċipazzjoni ta' Malta f'dan il-proġett qed toħloq opportunitajiet għall-bdiewa, ir-riċerkaturi u l-operaturi tas-settur biex jibbenefikaw minn għarfien u teknoloġiji innovattivi żviluppati madwar il-Mediterran.

Permezz ta' PROTECHMED, il-bdiewa Maltin se jkollhom l-opportunità li jidentifikaw teknoloġiji ta' interess għas-settur tas-serer, jipparteċipaw f'taħriġ u jżuru siti f'pajjiżi sħab sabiex jaraw dawn it-teknoloġiji jitħaddmu fil-prattika. Il-proġett jista' wkoll iwitti t-triq għal inizjattivi futuri appoġġjati minn fondi Ewropej sabiex dawn is-soluzzjonijiet jiġu introdotti fuq livell lokali.

PROTECHMED jiġbor flimkien istituzzjonijiet akkademiċi, ċentri ta' riċerka u organizzazzjonijiet agrikoli minn Malta, il-Greċja, l-Italja, it-Turkija, il-Libanu u t-Tuneżija, taħt it-tmexxija tal-Università ta' Thessaly. Din il-kollaborazzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-iskambju tal-għarfien u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji sostenibbli li jindirizzaw l-isfidi komuni tal-agrikoltura Mediterranja.

L-ewwel Info-Day f'Malta jimmarka l-bidu ta' sensiela ta' attivitajiet li se jkomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn il-bdiewa, ir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet, bil-għan li l-innovazzjoni tissarraf f'benefiċċji konkreti għas-settur agrikolu.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR PROTECHMED: Investiment ta' aktar minn €2.3 miljun biex tissaħħaħ l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà fis-settur tas-serer
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR PROTECHMED: Investiment ta' aktar minn €2.3 miljun biex tissaħħaħ l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà fis-settur tas-serer
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow