STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Glenn Bedingfield jitlob tisħiħ fil-kooperazzjoni bejn Malta u l-Italja fil-qasam tad-difiża
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, iltaqa’ mal-Ministru għad-Difiża Taljan, Guido Crosetto, f’Ruma nhar it-Tnejn, 19 ta’ Ottubru 2026, fejn iddiskutew kif Malta u l-Italja jistgħu jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni bejniethom sabiex tissaħħaħ is-sigurtà fil-Mediterran Ċentrali.
Il-Ministru Bedingfield saħaq li l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Italja qed tħalli benefiċċji konkreti għal Malta, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiż li jipproteġi s-sigurtà marittima u tal-ispazju tal-ajru tiegħu, jirreaġixxi għal theddid ġdid u jipproteġi l-infrastruttura kritika.
“L-Italja hija waħda mill-eqreb u l-aktar sħab fdati ta’ Malta. Il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi hija b’saħħitha, iżda nistgħu nagħmlu aktar,” qal il-Ministru Bedingfield.
Matul il-laqgħa, iż-żewġ Ministri ddiskutew kif l-Italja tista’ tkompli tappoġġja lil Malta permezz tal-kooperazzjoni mal-Forzi Armati ta’ Malta, inkluż permezz ta’ tagħmir ġdid u taħriġ. Huma tkellmu wkoll dwar l-importanza li tinżamm kooperazzjoni mill-qrib mal-Libja bħala sieħeb ewlieni fil-Mediterran.
Il-Ministru Bedingfield ippropona wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Mediterran biex jiġu indirizzati sfidi komuni, fosthom il-protezzjoni tas-sigurtà marittima u tal-infrastruttura essenzjali.
Fl-istess waqt, il-Ministru tenna li l-kooperazzjoni internazzjonali ta’ Malta fil-qasam tas-sigurtà se tkompli tirrispetta bis-sħiħ in-newtralità kostituzzjonali tal-pajjiż.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru Bedingfield enfasizza li s-sigurtà ta’ Malta hija marbuta mill-qrib mas-sigurtà tal-Mediterran, u appella biex l-awtoritajiet Maltin u Taljani jkomplu jaħdmu fuq passi konkreti li jwasslu għal aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Other Press Releases:
PR261891en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261891