STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imwettqa l-wegħda li jissaħħaħ is-servizz tas-Service Dogs Malta Foundation
Fl-ewwel mitt jum ta’ dan il-gvern, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat wettaq il-wegħda elettorali li jkompli jsaħħaħ is-servizz tas-Service Dogs Malta Foundation, permezz ta’ ftehim li jipprovdi finanzjament għat-taħriġ ta’ klieb ta’ assistenza. Dan l-appoġġ se jagħti lil aktar persuni b’diżabilità jew b’kundizzjonijiet differenti l-opportunità li jgħixu b’aktar indipendenza u jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità.
Bħala parti mill-kampanja “100 jum bis-saħħa tiegħek”, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia ngħaqdet mat-trejner, il-voluntiera u persuni li jagħmlu użu mis-servizz waqt sessjoni ta’ taħriġ f’Ta’ Qali. Matul din l-esperjenza, il-Ministru ħadet sehem f’eżerċizzji prattiċi u setgħet tara mill-qrib il-ħidma li ssir sabiex kull kelb jitħejja għall-ħtiġijiet tal-persuna li jkun se jassisti.
Il-ftehim jipprovdi investiment ta’ aktar minn €150,000 fuq tliet snin, bejn l-2027 u l-2029, u se jappoġġa, fost l-oħrajn, it-taħriġ ta’ tliet klieb tas-servizz kull sena. B’hekk, il-Fondazzjoni għandha qafas ta’ sostenn li jippermettilha tippjana fit-tul u tkompli ssaħħaħ is-servizz tagħha.
“Fl-ewwel mitt jum wettaqna l-wegħda li nagħtu sostenn finanzjarju lis-Service Dogs Malta Foundation sabiex tkompli ssaħħaħ dan is-servizz. Wara dan l-investiment hemm persuni u familji li jistgħu jiksbu aktar indipendenza, sigurtà u serħan il-moħħ. Il-ħidma tagħna hija li nbiddlu l-impenji li għamilna f’appoġġ konkret li jinħass fil-ħajja ta’ kuljum,” qalet il-Ministru Julia Farrugia.
Matul is-sessjoni, il-Ministru ħadmet ma’ Nando f’eżerċizzju li fih il-kelb jiġbor oġġett li jaqa’ mal-art u jirritornah lill-persuna. Fost il-ħiliet li jistgħu jitgħallmu dawn il-klieb hemm ukoll li jġibu l-mediċina lil sidhom meta jingħataw il-kmand, u b’hekk jipprovdu għajnuna importanti fil-ħajja ta’ kuljum. Ma’ Miles, ħadet sehem f’taħriġ dwar kif il-kelb jieqaf mat-tarf tal-bankina u jkompli miexi meta jingħata l-kmand. Dawn l-eżerċizzji wrew kif ħiliet speċifiċi jistgħu joffru għajnuna prattika u jsaħħu l-awtonomija tal-persuna.
Il-Ministru segwiet ukoll it-taħriġ ta’ Ink, li qed jitgħallem jobdi kmandi bażiċi bħala parti mit-tħejjija tiegħu, u dimostrazzjoni ta’ kif Luna titħarreġ biex tirrispondi u tipprovdi appoġġ lil persuna waqt attakk ta’ paniku jew ansjetà qawwija.
L-esperjenza enfasizzat ukoll l-importanza tat-taħriġ li jingħata lill-persuni li jagħmlu użu mis-servizz, sabiex jitgħallmu jikkomunikaw u jaħdmu mal-klieb tagħhom. Wara kull kelb ta’ assistenza hemm proċess ta’ taħriġ, soċjalizzazzjoni u ħidma kontinwa mit-trejners, il-voluntiera u l-familji li jgħinu fit-trobbija tal-ġriewi.
“Meta tara kelb imħarreġ iġib il-mediċina lil sidu, tifhem kemm dan is-servizz jista’ jagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuna. Hija għajnuna li tagħti aktar indipendenza lill-individwu u aktar serħan il-moħħ lill-familja tiegħu. Għalhekk qed ninvestu f’din il-kollaborazzjoni, biex aktar persuni jkollhom l-appoġġ li jeħtieġu fil-ħajja ta’ kuljum. Dan huwa wkoll il-valur tal-volontarjat, li bis-sostenn tal-Gvern qed iwassal bidla fil-ħajja tan-nies,” temmet tgħid il-Ministru Julia Farrugia.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901