STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “Ser inkomplu ntejbu s-servizzi billi nisimgħu lill-professjonisti” – Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Professjonisti tal-Allied Health, id-Direttorat tas-Servizzi tal-Allied Health organizza t-tmien Konferenza Xjentifika Annwali bit-tema “Synergizing Care: A Contemporary Blueprint for Connected Health Services”.
Il-konferenza laqqgħet flimkien professjonisti minn 20 professjoni differenti u erba’ kategoriji oħra ta’ ħaddiema li jikkontribwixxu fil-kura tal-pazjenti. L-għan kien li, permezz tal-esperjenza u r-riċerka tagħhom, jiġu identifikati bidliet konkreti li jistgħu jkomplu jtejbu s-servizzi tas-saħħa u l-esperjenza tal-pazjenti.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg qal li din il-ġurnata mhix biss okkażjoni biex tiġi ċċelebrata l-ħidma ta’ dawn il-professjonisti, iżda wkoll biex il-Gvern jisma’ direttament mingħandhom.
“Qed niċċelebraw il-ħidma ta’ 20 professjoni differenti u erba’ kategoriji oħra ta’ ħaddiema li kuljum jagħtu sehem importanti fil-kura tal-pazjenti. Illum qegħdin hawn biex nisimgħuhom u flimkien niddeċiedu dwar il-bidliet li nistgħu nagħmlu biex inkomplu ntejbu kemm l-esperjenza tal-professjonisti kif ukoll dik tal-pazjenti,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Matul il-konferenza, il-professjonisti ħadu sehem f’sessjonijiet interattivi li ffukaw fuq it-titjib tas-servizzi u evalwaw kif il-ħaddiema jistgħu jkunu aktar imħejjija għall-ħtiġijiet tas-servizz tas-saħħa tal-futur. Id-diskussjonijiet taw spazju lill-professjonisti biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jipproponu soluzzjonijiet ibbażati fuq ir-realtajiet li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum.
Id-Direttur tad-Direttorat tas-Servizzi tal-Allied Health, Maria-Louisa Busuttil, qalet, “Konna fortunati li permezz ta’ din il-konferenza nazzjonali stajna niltaqgħu u niddiskutu r-riżultati ta’ diversi proġetti xjentifiċi, filwaqt li kellna l-opportunità nfasslu rakkomandazzjonijiet li se ngħaddu lill-Ministeru biex flimkien inkomplu ntejbu s-servizzi. Ħdimna wkoll biex niksbu fondi Ewropej li permezz tagħhom ġibna esperjenza internazzjonali biex tkompli tgħin lill-professjonisti tagħna fil-ħidma tagħhom.”
Il-Global Performance Coach Iraïs Browaeys, li pparteċipat fil-konferenza permezz ta’ fondi Erasmus+, saħqet ukoll fuq l-importanza li dawk li ta’ kuljum jiddedikaw ħinhom biex jieħdu ħsieb lill-oħrajn ikunu konxji wkoll tal-benesseri tagħhom stess, u b’hekk ikunu jistgħu jkomplu jagħtu l-aqwa servizz b’dedikazzjoni.
“Kien privileġġ għalija li nkun hawn mal-professjonisti li ta’ kuljum jagħtu tant biex jieħdu ħsieb lill-oħrajn. Huwa importanti li, filwaqt li jieħdu ħsieb il-pazjenti, jieħdu ħsieb ukoll lilhom infushom u lil xulxin, speċjalment meta r-ritmu tax-xogħol u tal-ħajja jkun wieħed mgħaġġel,” qalet Browaeys.
Ir-rakkomandazzjonijiet imfassla matul il-konferenza se jiġu diskussi mat-tmexxija tas-settur tas-saħħa bil-għan li l-ideat u l-esperjenza tal-professjonisti jissarrfu f’azzjonijiet konkreti. Dan bħala parti mill-ħidma kontinwa biex jinbena servizz tas-saħħa aktar modern, effiċjenti u ffukat fuq il-ħtiġijiet tal-pazjent.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901