STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI 32 skola sekondarja rikonoxxuti għall-ħidma tagħhom fil-promozzjoni tad-demokrazija u l-parteċipazzjoni tal-istudenti
L-Aġenzija Żgħażagħ organizzat iċ-ċerimonja bl-isem “Student Councils Democracy Awards", inizjattiva li tħeġġeġ lill-istudenti jkunu aktar involuti fil-ħajja skolastika tagħhom u tagħtihom l-opportunità li jipparteċipaw b'mod attiv fit-titjib tal-komunitajiet edukattivi tagħhom.
Il-programm jagħti importanza lill-kunsilli tal-istudenti bħala spazju fejn iż-żgħażagħ jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jipproponu ideat u jaħdmu flimkien biex iwettqu inizjattivi li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-istudenti fl-iskejjel tagħhom. Permezz ta' dan il-proċess, l-istudenti jkollhom l-opportunità jiżviluppaw ħiliet ta' tmexxija, ħidma f'tim, responsabbiltà u ċittadinanza attiva, filwaqt li jitgħallmu l-valur tad-djalogu u tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'mod demokratiku.
Bħala parti minn din l-inizjattiva, l-Aġenzija Żgħażagħ tipprovdi appoġġ lill-kunsilli parteċipanti permezz ta' fond inizjali għal kull kunsill flimkien ma' għodod prattiċi, taħriġ u gwida matul is-sena skolastika. Dan l-appoġġ jgħin lill-istudenti jibdlu l-ideat tagħhom f'inizjattivi konkreti li jtejbu l-esperjenza skolastika tagħhom u jsaħħu l-involviment tagħhom fil-komunità tal-iskola.
Din id-darba pparteċipaw 32 skola sekondarja. Matul iċ-ċerimonja, 12-il skola ngħataw il-Gold Award, 15-il skola ngħataw is-Silver Award u ħames skejjel ingħataw il-Bronze Award. Dawn il-premjijiet jirrikonoxxu l-impenn tal-iskejjel u l-ħidma tal-kunsilli tagħhom biex isaħħu l-parteċipazzjoni demokratika fil-ħajja skolastika.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia saħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ ikollhom opportunitajiet reali biex jesprimu ruħhom u jkunu parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawhom. Il-Ministru sostna li dawn l-inizjattivi jkomplu jippreparaw lil dawn iż-żgħażagħ biex ikunu l-mexxejja ta' għada.
“Id-demokrazija ma titgħallimx biss mill-kotba, iżda tiġi esperjenzata permezz tal-parteċipazzjoni, tad-djalogu u tal-ħidma flimkien. Il-kunsilli tal-istudenti jagħtu liż-żgħażagħ l-opportunità li jieħdu inizjattiva, jirrappreżentaw lil sħabhom u jaraw kif l-ideat tagħhom jistgħu jwasslu għal bidla pożittiva fl-iskejjel tagħhom," qal il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru rringrazzja lill-istudenti, lill-koordinaturi, lill-edukaturi, lill-amministrazzjonijiet tal-iskejjel u lill-ġenituri li jagħtu s-sehem tagħhom f'dan il-proċess, filwaqt li ħeġġeġ lill-istudenti jkomplu jużaw leħinhom biex jagħmlu differenza pożittiva fil-komunitajiet tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ Jason Zammit qal kif il-ħidma tal-Aġenzija Żgħażagħ tibqa' ffukata biex żgħażagħ ta' kull età ikunu parteċipi fis-soċjetà. Huwa enfasizza l-importanza li jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jesprimu lilhom infushom, jagħtu kontribut lill-komunitajiet tagħhom u jkollhom rwol attiv fit-tiswir tas-soċjetà li jgħixu fiha.
Other Press Releases:
PR261891en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261891