STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA “Inħarsu ’l quddiem biex naħdmu ma’ Libja stabbli u sigura għall-progress tar-reġjun tagħna” – Id-Deputat Prim Ministru Borg waqt żjara tad-delegazzjoni Maltija f’Bengażi
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg mexxa delegazzjoni Maltija f'Bengażi, il-Libja, fejn saru diskussjonijiet dwar l-iżviluppi fil-pajjiż u opportunitajiet ta' kollaborazzjoni f'diversi oqsma, fosthom l-edukazzjoni, is-saħħa, il-kummerċ, l-enerġija u l-infrastruttura.
Id-delegazzjoni kienet tinkludi lill-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Byron Camilleri u l-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard, kif ukoll lis-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u lill-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.
Iż-żjara bdiet b'laqgħa mal-Ġeneral Saddam Haftar, Viċi Kap Kmandant tal-Forzi Armati Għarab Libjani. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq ir-relazzjonijiet storiċi, kulturali u kummerċjali bejn Malta u l-Libja, kif ukoll fuq il-potenzjal li dawn ir-rabtiet jissarrfu f'aktar kooperazzjoni ta' benefiċċju għaż-żewġ popli.
Matul il-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru tenna l-appoġġ ta' Malta għall-isforzi favur l-unifikazzjoni tal-istituzzjonijiet Libjani u għal soluzzjoni politika li twassal għal paċi u stabbiltà dejjiema.
“F'isem il-Gvern Malti, mexxejt din id-delegazzjoni f'Bengażi biex insegwu l-progress fit-taħditiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-Libja u nesploraw opportunitajiet ta' kollaborazzjoni f'diversi oqsma, fosthom l-edukazzjoni, is-saħħa, il-kummerċ u l-enerġija. Żorna wkoll proġetti u postijiet ta' interess, u se nkomplu naħdmu biex dawn id-diskussjonijiet iwasslu għal riżultati konkreti," qal id-Deputat Prim Ministru.
Id-delegazzjoni żaret ukoll iż-żona ħielsa ta' Julyana u l-port, fejn ingħatat tagħrif dwar l-iżvilupp taż-żona u l-opportunitajiet marbuta mal-kummerċ u l-loġistika.
Waqt żjara fl-Università ta' Bengażi, ġew esplorati possibbiltajiet ta' kollaborazzjoni akkademika ma' Malta. Fost l-oqsma diskussi kien hemm opportunitajiet ta' studju fil-livell postgradwat, inklużi programmi ta' masters fil-lingwa Għarbija u fl-arkeoloġija. Dawn it-taħditiet joffru lok għal aktar skambji ta' għarfien u tisħiħ tar-rabtiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq li Malta tibqa' favur il-paċi u d-djalogu. “Inħarsu 'l quddiem biex naħdmu ma' Libja stabbli u sigura u flimkien nikkontribwixxu għall-progress tar-reġjun tagħna. Nemmnu li d-djalogu u soluzzjoni politika huma t-triq lejn paċi dejjiema u aktar żvilupp fir-reġjun Mediterranju," temm jgħid Dr Borg.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901