STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Together We Shine 2026: Attività għall-familja fil-Park tal-Familja San Klement bis-sehem ta’ għaqdiet volontarji
Tħabbret it-tieni edizzjoni tal-festival “Together We Shine", li se jsir nhar il-Ħadd, 25 ta' Ottubru, fil-Park tal-Familja San Klement, Ħaż-Żabbar, bejn nofsinhar u s-7.30pm. L-attività hija inizjattiva għall-familja u l-komunità, b'kollaborazzjoni ma' għaqdiet volontarji u gruppi komunitarji, u hija organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, bl-għajnuna ta' Project Green li pprovdew l-użu tal-park.
Matul il-ġurnata, il-pubbliku ser ikollu l-opportunità jiltaqa' ma' diversi għaqdiet volontarji u jsir jaf aktar dwar il-ħidma u servizzi tagħhom fil-komunità. Il-programm se jinkludi wkoll firxa ta' attivitajiet għall-familja kollha, b'enfasi partikolari fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Fost l-attivitajiet se jkun hemm żona interattiva għat-tfal b'attivitajiet kreattivi u artiġjanat, attivitajiet marbuta man-natura, korsijiet ta' ostakli u esperimenti xjentifiċi, kif ukoll wirjiet u preżentazzjonijiet minn gruppi komunitarji involuti fil-mużika, l-arti u l-isport.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat li, “L-inklużjoni tibda meta kull persuna tħossha milqugħa, apprezzata u kapaċi tagħti sehemha fil-komunità. Bħala Gvern, irridu li dan ikun realtà fil-ħajja ta' kuljum, u l-għaqdiet volontarji huma msieħba essenzjali biex naslu għal dan il-għan. Bil-ħidma tagħhom, joħolqu opportunitajiet ta' parteċipazzjoni, jibnu rabtiet bejn in-nies u jagħtu sostenn fejn ikun hemm bżonn. 'Together We Shine' huwa spazju fejn il-familji jistgħu jiltaqgħu, jiskopru din il-ħidma u jsibu modi kif jinvolvu ruħhom. Se nkomplu nsaħħu l-appoġġ tagħna lis-settur volontarju, għax kull investiment fih huwa investiment f'soċjetà aktar ġusta, magħquda u inklużiva."
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandolo spjega li, “Din l-inizjattiva hija oħra minn bosta li jkomplu jagħtu spazju lill-għaqdiet volontarji biex jiltaqgħu mal-pubbliku, juru l-ħidma tagħhom u jħeġġu aktar nies jinvolvu ruħhom fil-komunità u fil-volontarjat. B'hekk inkomplu nħeġġu l-importanza li nlaqqgħu flimkien il-familji, il-komunitajiet u s-settur volontarju f'ambjent informali u divertenti għal kulħadd".
Id-dħul għall-attività huwa b'xejn b'aktar informazzjoni tista' tinkiseb minn www.maltacvs.org.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901