Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Żjara edukattiva fl-iskola St Jeanne Antide biex jissaħħaħ l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali

PR261661
Date Icon 08/10/2026

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said żaret l-Iskola St Jeanne Antide fil-Gudja flimkien mal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Elliot Magro, fejn iltaqgħu ma' tfal ta' bejn il-ħames u s-sitt snin.

Din iż-żjara kellha l-għan li tkompli xxerred l-għarfien dwar l-importanza tal-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali, filwaqt li tħeġġeġ lit-tfal jiżviluppaw sens ta' rispett u responsabbiltà lejn l-annimali sa minn età żgħira.

Matul l-attività, it-tfal tgħallmu dwar l-importanza li jieħdu ħsieb l-annimali domestiċi tagħhom, kif ukoll dwar ir-responsabbiltà li ġġib magħha ż-żamma ta' annimal domestiku, fosthom il-ħtieġa li jingħata ikel xieraq, ambjent sigur, kura veterinarja u, fuq kollox, imħabba u attenzjoni.

It-tfal ħadu sehem ukoll fi preżentazzjoni interattiva u edukattiva, imfassla apposta għall-età tagħhom. Permezz ta' diskussjoni u attivitajiet, huma komplew jitgħallmu dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

Din l-inizjattiva ttellgħet bħala parti mill-attivitajiet marbuta mal-ġimgħa għall-Għarfien dwar l-Annimali, bil-għan li tkompli toħloq kuxjenza dwar il-ħarsien u t-trattament xieraq tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li l-edukazzjoni hija fundamentali biex tinbena soċjetà li tagħti prijorità lill-benesseri tal-annimali. “Jekk irridu nkomplu nsaħħu kultura ta' rispett u mħabba lejn l-annimali, irridu nibdew mit-tfal. Permezz ta' inizjattivi bħal dawn, inkunu qegħdin ngħallmuhom li annimal mhuwiex ġugarell, iżda ħlejqa ħajja li teħtieġ impenn, responsabbiltà u kura tul ħajjitha kollha," qalet is-Segretarju Parlamentari.

Il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Elliot Magro, saħaq fuq l-importanza li t-tfal jingħataw l-għodod meħtieġa biex jifhmu aħjar il-bżonnijiet tal-annimali. “L-għarfien li niżirgħu fit-tfal illum se jsawwar il-mod kif huma jittrattaw lill-annimali fil-futur. Meta nedukawhom dwar l-empatija, ir-rispett u r-responsabbiltà, inkunu qegħdin nibnu ġenerazzjoni aktar konxja u sensittiva lejn il-benesseri tal-annimali," qal il-Kummissarju.

Il-Kap tal-Iskola St Jeanne Antide, Marion Cutajar, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal din l-inizjattiva. “L-iskola għandha rwol importanti mhux biss fl-iżvilupp akkademiku tat-tfal, iżda wkoll fit-tisħiħ ta' valuri bħal l-empatija u r-rispett lejn kull ħlejqa ħajja. Attivitajiet bħal dawn jgħinu lit-tfal jitgħallmu b'mod interessanti u prattiku, filwaqt li jwasslulhom messaġġ li jibqa' magħhom huma u jikbru," qalet is-Sinjura Cutajar.

Din iż-żjara tagħmel parti mill-ħidma kontinwa biex jiżdied l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali u biex titrawwem kultura ta' responsabbiltà, rispett u mħabba lejhom minn età bikrija.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Żjara edukattiva fl-iskola St Jeanne Antide biex jissaħħaħ l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow