Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA Il-President tibda ż-żjarat fl-iskejjel bħala parti mill-Istrina BOV Piggy Bank Campaign 2026

pr261643
Date Icon 06/10/2026

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta' Malta, bdiet sensiela ta' żjarat fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex bħala parti mit-23 edizzjoni ta' L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign.

L-ewwel tliet żjarat saru t-Tlieta filgħodu fl-Iskola Medja Erin Serracino Inglott tal-Kulleġġ Santa Margerita f'Bormla, fl-Iskola Primarja Santu Rokku tal-Kulleġġ Santa Margerita fil-Birgu, u fil-Kulleġġ St Edward's fil-Birgu.

Il-President kienet akkumpanjata mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, miċ-Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta u Deputat Chairperson tal-Fondazzjoni BOV Ernest Agius, u minn rappreżentanti tal-MCCF.

Fl-iskejjel il-President iltaqgħet mal-istudenti u l-edukaturi u wasslet messaġġ dwar l-importanza tas-solidarjetà lejn dawk li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli. Hija ħeġġet lill-istudenti sabiex, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kampanja, jagħrfu li anke kontribuzzjoni żgħira tista' tkun parti minn sforz kollettiv li jagħmel differenza fil-ħajja ta' ħaddieħor.

Matul dawn iż-żjarat, il-President tkellmet mal-istudenti u wieġbet il-mistoqsijiet tagħhom dwar diversi suġġetti. Fost l-oħrajn, il-President fakkret lill-istudenti li, bħala l-mexxejja ta' għada, pajjiżna għandu bżonn il-kontribut ta' kull wieħed u waħda minnhom, mhux biss permezz tat-talenti u l-ħidma tagħhom, iżda wkoll billi jkunu lesti jagħtu appoġġ lil dawk li jkunu jeħtieġu l-għajnuna. 

Din is-sena, il-President se żżur 21 skola tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti madwar Malta u Għawdex, matul ix-xahar ta' Ottubru. L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign, li ssir b'kollaborazzjoni bejn il-Malta Community Chest Fund u l-Bank of Valletta, ilha għal dawn l-aħħar 23 sena tagħti lill-istudenti l-opportunità li jkunu protagonisti f'ġest konkret ta' solidarjetà.

Is-sena li għaddiet, l-istudenti li jattendu l-iskejjel madwar Malta u Għawdex ikkontribwew iktar minn €50,000 b'risq L-Istrina, biex b'hekk inqabżet is-somma ta' €3 miljun miġbura matul it-23 sena li ilha ssir L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA Il-President tibda ż-żjarat fl-iskejjel bħala parti mill-Istrina BOV Piggy Bank Campaign 2026
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA Il-President tibda ż-żjarat fl-iskejjel bħala parti mill-Istrina BOV Piggy Bank Campaign 2026
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA Il-President tibda ż-żjarat fl-iskejjel bħala parti mill-Istrina BOV Piggy Bank Campaign 2026
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA Il-President tibda ż-żjarat fl-iskejjel bħala parti mill-Istrina BOV Piggy Bank Campaign 2026
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow