STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U L-PROĠETTI STRATEĠIĊI Tnedija tal-EU Code Week 2026: Malta t-tieni fl-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet tal-coding, b’kisbiet ġodda fl-edukazzjoni diġitali
Il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, nieda uffiċjalment l-EU Code Week 2026, li se ssir bejn l-10 u l-25 t’Ottubru. Din hija inizjattiva mifruxa mal-Ewropa kollha li tħeġġeġ persuni ta’ kull età jesploraw l-ipprogrammar, il-kreattività diġitali u t-teknoloġija permezz ta’ attivitajiet prattiċi u esperjenzi ta’ tagħlim.
Is-sena li għaddiet, f’Malta ġew organizzati 1,100 attività marbuta mal-coding, li wasslu biex pajjiżna jikklassifika fit-tieni post fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-riżultati jirriflettu l-ħidma biex iż-żgħażagħ jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex javvanzaw u jaħtfu l-opportunitajiet tat-trasformazzjoni diġitali.
Waqt it-tnedija, il-Ministru Schembri qal li l-ħiliet diġitali saru fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta, u essenzjali biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu lesti għal dinja mibnija fuq it-teknoloġija. “It-trasformazzjoni diġitali tibda mill-edukazzjoni. Permezz tal-EU Code Week, mhux biss qed inlaqqgħu liż-żgħażagħ mal-ipprogrammar u t-teknoloġija, iżda qed inrawmu wkoll il-kreattività u l-ħiliet li qegħdin isawru l-impjiegi ta’ kwalità lejn iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru żied jgħid li l-investiment fil-ħiliet diġitali huwa essenzjali biex inkomplu nittrasformaw l-ekonomija tagħna u nħejju liż-żgħażagħ għall-ħtiġijiet tad-dinja tax-xogħol. L-EU Code Week tkompli ssaħħaħ l-ekosistema diġitali ta’ Malta billi tħeġġeġ aktar żgħażagħ jagħżlu studji u karrieri b’salarji tajbin fit-teknoloġija, l-inġinerija u l-komunikazzjoni.
Il-Ministru enfasizza wkoll l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-industrija u l-Gvern, “sabiex flimkien niksbu r-riżultati li qed naħdmu għalihom.” Din l-inizjattiva tifforma parti mill-mixja ta’ Malta lejn it-trasformazzjoni diġitali, kemm fil-qasam edukattiv kif ukoll f’dak intraprenditorjali.
EU Code Week School Label
Wieħed mill-punti ewlenin tat-tnedija ta’ din is-sena huwa l-implimentazzjoni b’suċċess f’Malta tal-EU Code Week School Label, rikonoxximent mogħti lill-iskejjel li mexxew b’impenn fit-tul lejn l-ipprogrammar u l-ħiliet diġitali.
B’riżultat ta’ dan, għaxar skejjel Maltin ingħataw l-EU Code Week School Label għall-perjodu 2026–2028, bħala rikonoxximent tal-impenn tagħhom biex jintegraw l-ipprogrammar u l-litteriżmu diġitali fil-prattiki edukattivi tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Kenneth Brincat, enfasizza r-riżultati b’saħħithom li kisbet Malta fl-EU Code Week matul dawn l-aħħar ħdax-il sena: “Għal aktar minn għaxar snin, Malta wriet b’mod konsistenti parteċipazzjoni qawwija fl-EU Code Week u stabbiliet ruħha fost il-pajjiżi Ewropej bl-aħjar riżultati meta mqabbla mad-daqs tal-popolazzjoni tagħhom.”
Inizjattivi ġodda tal-MDIA
Bħala parti mill-programm ta’ din is-sena, l-MDIA qed tniedi t-tieni edizzjoni tal-Kompetizzjoni Funovation, li tirrikonoxxi skejjel li juru parteċipazzjoni eċċellenti fl-EU Code Week permezz ta’ attivitajiet innovattivi ta’ tagħlim diġitali.
L-MDIA qed tniedi wkoll il-Minecraft Education: Future Mobility Malta Challenge, li tistieden lill-istudenti jużaw il-Minecraft Education biex jipproponu soluzzjonijiet innovattivi għal mobilità aktar sigura, intelliġenti u sostenibbli.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901