Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL 100 jum bis-saħħa tiegħek: Minn interventi b'urġenza għal riġenerazzjoni fit-tul

PR261632
Date Icon 05/10/2026


Il-Ministru Jonathan Attard jenfasizza dwar il-progress fuq il-proġetti tar-Rinella u Marsaskala, hekk kif ikompli x-xogħol madwar il-pajjiż

L-ewwel 100 jum ta' leġiżlatura ġdida ma kinux sempliċiment dwar it-tfassil tal-pjanijiet għas-snin li ġejjin. L-ewwel ġimgħat kienu xhieda tal-impenn li x-xogħol qed jgħaddi mill-pjanijiet għall-implimentazzjoni b'riżultati tanġibbli. Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-xogħol Jonathan Attard, waqt żjara bħala parti mill-kampanja '100 jum bis-saħħa tiegħek', iltaqa' ma' aktar ħaddiema u involva ruħu b'mod dirett fuq xogħlijiet infrastrutturali.

“Permezz ta' koordinazzjoni kontinwa, preżenza regolari fuq il-post u impenn biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-komunitajiet, qed jitmexxew 'il quddiem proġetti b'konsistenza, kwalità u viżjoni fit-tul. Fost dawn hemm ix-xogħlijiet fir-Rinella u l-proġett ta' riġenerazzjoni li għaddej f'Marsaskala, li jirriflettu l impenn biex jinħolqu spazji aħjar u infrastruttura aktar moderna għall-familji Maltin," qal il-Ministru Jonathan Attard.

Fl-ewwel 100 jum ta' leġiżlatura ġdida n-nies setgħu jħarsu madwar il-komunitajiet tagħhom u jaraw evidenza ta' dan l-impenn.

Il-Ministru Attard żar dawn iż-żewġ proġetti li jirriflettu l-istess prinċipju li jeħtieġ li jitħaddan matul din il-leġiżlatura, li jiġi identifikat dak li jeħtieġ isir u jsir ix-xogħol meħtieġ biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu minn titjib infrastrutturali.

“Il-veru kejl ta' leġiżlatura se jkun ix-xogħol li jkompli wara dawn l-ewwel 100 jum. Proġett wara proġett, komunità wara komunità, l-impenn jibqa' li nkomplu nittrasformawhom f'infrastruttura li n-nies jistgħu jaraw, jużaw u jibbenefikaw minnha," sostna l-Ministru Attard.

Rinella: nibnu mill-ġdid fuq pedamenti aktar b'saħħithom wara l-maltemp

Wara l-Maltempata Harry, madwar 45 metru mill-bini tat-triq fir-Rinella tnaqqar minħabba l-qawwa tal-mewġ. Sezzjonijiet oħra tal-promenade sofrew ħsarat u tqiesu li kienu f'riskju immedjat li jkomplu jiġġarrfu.

L-aċċess għaż-żoni affettwati ngħalaq, tneħħa d-debris u saru interventi ta' emerġenza. Sussegwentement inbena taraġ temporanju sabiex, fejn possibbli, jerġa' jkun hemm aċċess sigur tal-bajja għall-pubbliku, filwaqt li s-sezzjoni li ġarrbet il-ħsara baqgħet magħluqa.

“Impenjajna ruħna li ntejbu l-infrastruttura. L-investigazzjonijiet li saru wrew li r-retaining wall kien inbena direttament fuq saff ramli li jestendi sa fond ta' madwar 12-il metru. Dan kien fattur sinifikanti li wassal biex l-istruttura ċċedi waqt il-maltemp. Għaldaqstant ir-rikostruzzjoni qed issir fuq pedament aktar b'saħħtu," stqarr il-Ministru Attard.

L-ewwel fażi bdiet bir-rikostruzzjoni tal-iżbokk tal-kanal tal-ilma tax-xita li jwassal l-ilma mill-wied lejn il-baħar. Dan ġie segwit minn xogħlijiet ta' piling tul il-parti ta' madwar 45 metru tal-promenade li kienet iġġarrfet. Is-sistema l-ġdida tal-pedament tuża saffi f'fond ta' madwar 15-il metru taħt il-livell tal-art, jgħaddu mis-saff ramli u jilħqu l-blat solidu li jinsab taħtu.

Iżda l-proġett ma jiqafx mal-ewwel 45 metru. Issa x-xogħlijiet se jgħaddu għas-sezzjoni li fadal tal-promenade fuq in-naħa l-oħra tal-bajja. Se jiġi applikat l-istess prinċipju: pedamenti fil-fond, retaining walls msaħħa u rikostruzzjoni tal-wiċċ tal-promenade.

It-tielet fażi se tindirizza ż-żewġ mollijiet fuq kull naħa tal-Bajja tar-Rinella, li wkoll ġarrbu ħsarat waqt il-Maltempata Harry. Dawn ix-xogħlijiet se jinkludu titjib fis-sistemi eżistenti tal-irmiġġ, sostituzzjoni tal-uċuħ tal-konkos u tiswijiet taħt l-ilma f'żoni affettwati mill-erużjoni.

Fl-aħħar nett, ir-raba' fażi se tiffoka fuq ix-xogħlijiet ta' tlestija, inkluż ir-rikostruzzjoni tat-triq maġenb il-promenade, titjib fir-rotta pedonali eżistenti, poġġamani ġodda, infrastruttura tad-dawl u elementi oħra ta' tlestija.

Marsaskala: Fażi fażi tar-riġenerazzjoni

F'Marsaskala, l-approċċ huwa differenti iżda l-għan huwa l-istess: infrastruttura li ttejjeb l-ispazju pubbliku u l-esperjenza tan-nies li jużawh kuljum. Dan il-proġett nistgħu naqsmuh fuq tliet partijiet.

Iż-żona ta' Triq is-Salini, miż-żona qrib il-Fanal u 'l quddiem lejn is-sit tal-eks Jerma, ix-xogħlijiet qed jieħdu forma b'mod viżibbli bit-tħejjija tas-servizzi. Fit-tieni parti tal-proġett, is-servizzi diġà tlestew u l-beam tal-konkos u l-art tal-konkos diġà qegħdin f'posthom. Fit-tielet parti, ix-xogħlijiet esposti tlestew b'xogħlijiet aktar avvanzati.

Dan l-approċċ qed jippermetti li x-xogħlijiet jimxu 'l quddiem b'mod sistematiku sabiex titwettaq ir-riġenerazzjoni taż-żona.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Ejjew flimkien inkunu ta’ salvagwardja għall-preżent u l-futur tal-popli tagħna” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261902

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur

PR261901

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord...

More Press Releases Right arrow