STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta ssaħħaħ il-kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Magħquda b’appoġġ għas-saħħa tat-tfal fis-Sirja u għas-sigurtà tal-ikel
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne kellu laqgħa mas-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda u Direttur Eżekuttiv tal-UNOPS Jorge Moreira da Silva, fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York. Id-diskussjoni ffukat fuq il-kooperazzjoni bejn Malta u l-UNOPS, fosthom proġett b'kontribut Malti ta' €130,000 għas-saħħa tat-tfal fis-Sirja, kif ukoll fuq is-sigurtà marittima u l-impatt tagħha fuq is-sigurtà globali tal-ikel.
Matul il-laqgħa, Moreira da Silva rringrazzja lil Malta għall-kontribut ta' €130,000 għal proġett fl-Isptar Ibn Roshed f'Aleppo. Permezz ta' dan il-finanzjament se tinxtara sistema speċjalizzata ta' tisħin u tkessiħ meħtieġa biex ikunu jistgħu jsiru interventi kirurġiċi speċjalizzati tal-qalb għal trabi tat-twelid.
Moreira da Silva esprima wkoll l-apprezzament tiegħu għall-kollaborazzjoni bejn Malta u l-UNOPS fil-qasam umanitarju, fosthom l-operazzjoni li permezz tagħha Malta ffaċilitat il-konsenja ta' 250 tunnellata ta' dqiq lil Gaża matul is-sena li għaddiet.
Il-Ministru Fearne qal li dawn l-inizjattivi huma eżempju konkret ta' kif Malta tista' tipprovdi għajnuna diretta u tanġibbli lil komunitajiet milquta minn kunflitti u kriżijiet umanitarji.
Id-diskussjoni indirizzat ukoll is-sitwazzjoni fl-Istrett ta' Hormuz u l-ħidma tat-Task Force mwaqqfa mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda u kkoordinata mill-UNOPS. It-Task Force qed taħdem fuq miżuri prattiċi biex it-trasport bil-baħar ikun aktar sigur u prevedibbli, b'enfasi inizjali fuq it-trasport tal-fertilizzanti u l-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom.
Il-Ministru Fearne saħaq fuq l-importanza ta' ħidma koordinata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Magħquda biex il-flussi kummerċjali essenzjali, b'mod partikolari dawk tal-fertilizzanti, jibqgħu miftuħa u stabbli. Huwa rrimarka li kull interruzzjoni fit-trasport ta' dawn il-prodotti tista' tħalli konsegwenzi serji fuq il-produzzjoni agrikola, il-prezzijiet tal-ikel u s-sigurtà alimentari, b'mod speċjali fil-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, fi żmien meta l-effetti tal-fenomenu El Niño qed iżidu l-pressjoni fuq is-sistemi alimentari globali.
Il-Ministru tenna wkoll id-disponibbiltà ta' Malta li tkompli tesplora kif il-kompetenza tagħha fil-qasam marittimu, inkluż permezz tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ tal-bastimenti u ta' skambju sigur ta' informazzjoni, tista' tikkontribwixxi għall-isforzi tan-Nazzjonijiet Magħquda biex jiġu protetti t-trasport marittimu ċivili u l-flussi globali tal-ikel u tal-fertilizzanti.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901