STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jiltaqa’ mal-istudenti waqt il-Freshers’ Week tal-Junior College
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela żar il-Junior College fl-okkażjoni tal-Freshers’ Week, fejn iltaqa’ mal-istudenti u żar l-istands imħejjija biex jilqgħuhom u jipprovdulhom informazzjoni utli għall-bidu tas-sena akkademika l-ġdida.
Matul iż-żjara, l-Ispeaker ġie milqugħ mit-tmexxija tal-Kulleġġ, fosthom il-Prinċipal, is-Sur Paul Xuereb, u ċ-Chairperson, il-Prof. Emanuel Said.
“Huwa ta’ pjaċir għalija li nżur il-Junior College u niltaqa’ mal-istudenti fil-bidu ta’ din is-sena akkademika,” qal l-Ispeaker. Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ din l-attività biex l-istudenti, kemm dawk li qed jibdew il-mixja tagħhom fil-Kulleġġ kif ukoll dawk li qed ikomplu l-istudji tagħhom, isiru jafu aktar dwar is-servizzi akkademiċi u l-appoġġ disponibbli għall-benesseri tagħhom.
Ir-rabta bejn il-Parlament u istituzzjonijiet edukattivi bħall-Junior College tista’ tgħin lill-istudenti jifhmu aħjar il-ħidma parlamentari u r-rwol tagħhom fil-ħajja demokratika. Il-kollaborazzjoni u d-djalogu jikkontribwixxu biex il-Parlament ikun eqreb taż-żgħażagħ u taċ-ċittadini, u biex il-ħidma tiegħu tkun aktar magħrufa u mifhuma.
L-Ispeaker feraħ lill-organizzaturi u lit-tmexxija tal-Junior College għall-impenn tagħhom li joħolqu ambjent li jilqa’ lill-istudenti u jagħtihom l-appoġġ meħtieġ biex jirnexxu fl-istudji tagħhom u jiżviluppaw it-talenti tagħhom.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901