STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR
Għaddej il-proġett ta' tiġdid tal-faċilitajiet tal-Inspire b'investiment li jaqbeż id-€9.5 miljun, kofinanzjat minn fondi Ewropej
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, żaru l-kumpless tal-Inspire f'Marsaskala, fejn raw mill-qrib il-ħidma li qed issir bħala parti minn proġett ta' żvilupp mill-ġdid tal-faċilitajiet tal-organizzazzjoni, kofinanzjat b'aktar minn €5 miljun f'fondi Ewropej.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Azzopardi Tanti u l-Ministru Farrugia ngħataw tagħrif dwar dan l-investiment li qed isir biex jiġu mtejba l-faċilitajiet li hemm bħalissa, kif ukoll jinħolqu spazji ġodda rikreattivi u terapewriċi, bil-għan li jissaħħu s-servizzi offruti lil dawk in-nies b'diżabilitajiet differenti.
Il-proġett qed isir b'investiment ta' €9,592,608, u huwa mistenni li jiġi konkluż sas-sena 2028.
Bħala parti mill-proġett, il-kumpless tal-Inspire se jinkludi kmamar ġodda għat-terapija, spazji sensorji, studios għall-arti kreattiva u l-mużika, żona għall-idroterapija, spazji ta' logħob fuq barra u faċilitajiet għat-taħriġ vokazzjonali.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti nnota l-importanza ta' investimenti li jwasslu għal titjib dirett fil-kwalità tas-servizzi offruti lill-persuni b'diżabilità u lill-familji tagħhom, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-komunità. “Il-fondi Ewropej għandhom valur veru meta jissarfu f'investimenti li jolqtu direttament il-ħajja tan-nies, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, u dan il-proġett tal-Inspire huwa eżempju ċar tal-ħidma tagħna f'dan il-qasam biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' nies b'diżabilità."
Il-Ministru Julia Farrugia qalet li dan l-investiment huwa pass ieħor importanti lejn servizzi aktar moderni, inklussivi u mibnija madwar il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità u l-familji tagħhom. “Permezz ta' dan il-proġett, se jkunu qed jissaħħu mhux biss il-faċilitajiet, iżda wkoll firxa ta' servizzi essenzjali. Fl-istess waqt, dan l-investiment juri kemm is-sħubija bejn il-Gvern, il-fondi Ewropej u s-settur volontarju tista' twassal għal bidla tanġibbli fil-ħajja tan-nies. L-Inspire ilha għal snin twal sieħeb importanti f'dan il-qasam, u se nkomplu naħdmu flimkien biex noħolqu soċjetà fejn kull persuna jkollha l-appoġġ u l-opportunitajiet meħtieġa biex tipparteċipa b'mod sħiħ fil-komunità," qalet il-Ministru Farrugia.
Dawn il-faċilitajiet se jappoġġjaw programmi ta' day care u respite, intervent bikri għall-awtiżmu u diżabilitajiet oħra, servizzi ta' outreach fl-iskejjel, kif ukoll taħriġ fil-ħiliet tal-ħajja għal adolexxenti u adulti. Se jinħoloq ukoll Family Support Centre ġdid għall-ġenituri, carers u professjonisti.
Il-proġett se jpoġġi wkoll enfasi fuq it-taħriġ vokazzjonali u l-indipendenza, permezz ta' spazji li jissimulaw ambjenti tax-xogħol bħall-kċina, kafetterija, uffiċċju postali u lukanda.
Sa' Ġunju tal-2028 huwa ppjanat li jiġi żviluppat Educational & Community Hub ġdid. Fl-ewwel sena ta' operat, il-faċilitajiet il-ġodda mistennija jilħqu 440 persuna b'diżabilità, filwaqt li n-numru ta' familji milħuqa mistenni jiżdied minn 286 għal 918.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901