STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Id-Deputat Prim Ministru Dr Ian Borg jindirizza laqgħa ta’ livell għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-tħejjija għall-pandemiji
•Jiltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ mexxejja fil-qasam tas-saħħa fl-Istati Uniti
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg saħaq li t-tħejjija għal pandemiji futuri trid tkun imsejsa fuq miżuri prattiċi li jqisu ċ-ċirkostanzi differenti ta’ kull pajjiż. Huwa kien qed jindirizza laqgħa ta’ livell għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, li saret fi New York matul il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda. Għal-laqgħa attendew rappreżentanti mit-tmexxija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, kif ukoll għadd ta’ Ministri u mexxejja oħra fil-qasam.
Fl-intervent tiegħu, Dr Borg esprima l-appoġġ ta’ Malta għad-Dikjarazzjoni Politika mressqa waqt il-laqgħa, u ddeskrivieha bħala pass lejn prevenzjoni, tħejjija u rispons aktar b’saħħithom u ġusti. Huwa laqa’ wkoll il-progress li sar permezz tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Pandemiji u l-emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa.
“Għal stati żgħar bħal Malta, it-tħejjija trid tkun prattika u flessibbli. Il-kapaċità limitata, id-dipendenza fuq il-katina ta’ provista internazzjonali u l-impatt li emerġenza tas-saħħa jista’ jkollha fuq pajjiż żgħir jagħmlu l-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali essenzjali u titlob li nkomplu nsaħħu s-sistema tas-saħħa tagħna biex inkunu preparati għal kull ċirkostanza. Irridu nitgħallmu minn dak li għaddejna minnu ftit tas-snin ilu u nżommu dak li ħadem tajjeb,” qal Dr Borg.
Id-Deputat Prim Ministru sostna li l-progress li sar mill-pandemija tal-COVID-19 ’l hawn għandu jissarraf f’azzjoni konkreta u enfasizza l-ħtieġa kemm ta’ investiment fil-kura primarja, fis-sorveljanza tas-saħħa pubblika, fil-laboratorji u professjonisti tas-saħħa, kif ukoll ta’ aċċess ġust għall-vaċċini, mediċini u riżorsi mediċi oħra f’każijiet ta’ emerġenza.
Dr Borg qal li kull pajjiż irid iħejji ruħu għal dawn ir-realtajiet b’mod koordinat u saħaq li f’dinja dejjem aktar globalizzata, it-tħejjija ta’ Malta biss mhijiex biżżejjed. Żied li dawn it-tħejjijiet iridu jqisu wkoll il-bżonnijiet ta’ persuni differenti fis-soċjetà, fosthom it-tfal, l-anzjani u persuni vulnerabbli, filwaqt li tiżgura l-kontinwità tal-aċċess għall-edukazzjoni, it-tilqim ta’ rutina, is-servizzi essenzjali tas-saħħa u l-appoġġ għas-saħħa mentali.
Fl-aħħar jiem, Dr Borg kellu wkoll sensiela ta’ laqgħat bil-għan li jiġu esplorati kollaborazzjonijiet li jgħinu lil Malta ttejjeb mhux biss it-tħejjija għal emerġenzi tas-saħħa iżda wkoll is-servizzi offruti fuq kull livell. Fost l-impenji tiegħu d-Deputat Prim Ministru żar il-Mayo Clinic ġewwa Rochester, Minnesota u żamm ukoll laqgħat ma’ Dr Selwyn Vickers, President u CEO tal-Memorial Sloan Kettering Cancer Center; Dr Philip O. Ozuah, President u CEO ta’ Montefiore Einstein; u Dr John G. Meara, minn Boston Children’s Hospital u li huwa wkoll professur fl-Iskola Medika ta’ Harvard.
Dawn il-laqgħat offrew opportunità biex jiġu diskussi r-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ tal-professjonisti u l-kwalità tal-kura, fosthom fil-qasam tal-kanċer, kif ukoll possibiltà għal aktar kollaborazzjoni. Dr Borg saħaq li dan l-iskambju ta’ esperjenzi ma’ istituzzjonijiet internazzjonali għandu għan ewlieni – dak li jgħin lil pajjiżna jkompli jtejjeb il-kura għal kull pazjent.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901