STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Żgħażagħ itemmu b’suċċess il-programm Youth.Inc li jgħinhom jiżviluppaw ħiliet bażiċi
Grupp ta’ wieħed u għoxrin żagħżugħ u żagħżugħa temmew b’suċċess programm ta’ tliet snin magħruf bħala Youth.Inc li fih jingħataw taħriġ f’ħiliet differenti li jgħinuhom jibnu kunfidenza fihom infushom, isiru persuni aktar indipendenti u jifhmu aħjar il-potenzjal tagħhom.
L-Aġenzija Żgħażagħ issa ilha madwar 13-il sena torganizza dawn it-tip ta’ programmi u bħalissa hemm madwar 80 żagħżugħ u żagħżugħa li qed jipparteċipaw fihom.
F’dan il-programm, iż-żgħażagħ bdew jiksbu ħiliet bażiċi biex jgħinuhom jintegraw aħjar fis-soċjetà. Fost oħrajn, tgħallmu affarijiet bażiċi bl-isport u tgħallmu jesprimu ruħhom bid-drama.
Apparti minn hekk, dawn iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità li jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jesperjenzawha hekk kif ’il quddiem se jiġu bżonnha biex isiru dejjem iżjed indipendenti.
Fi tmiem il-Programm ta’ din is-sena, il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia ppreżenta ċ-ċertifikati tal-parteċipazzjoni liż-żgħażagħ li ħadu sehem.
Waqt id-diskors tiegħu f’din l-attività, il-Ministru rringrazzja lit-team kollu li ħadem fuq il-Proġett Youth.Inc, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ parteċipanti, l-istaff li kien ta’ appoġġ għall-proġett, lil dawk li jħaddmu u partners tal-programm. Irringrazzja wkoll lill-ġenituri u l-familji taż-żgħażagħ li pparteċipaw għall-inkoraġġiment tagħhom u l-appoġġ lejhom.
F’kumment, il-Ministru Farrugia nnota kif l-ikbar sodisfazzjon huwa meta ż-żgħażagħ ikunu ta’ suċċess. “Żgħażagħ illi permezz tal-Youth.Inc, jitgħallmu ħiliet ġodda, esperjenzi ġodda u jingħaqdu f’komunità ġdida flimkien ma’ sħabhom. B’hekk nibnu żgħażagħ b’saħħithom, b’futur b’saħħtu għalihom u għall-familji tagħhom,” sostna l-Ministru Farrugia.
Min-naħa tagħha, il-Kap tas-sezzjoni tal-Inklużjoni, it-Tranżizzjoni u l-Impjieg fi ħdan l-aġenzija, Deborah Bonnici, qalet li l-programm tal-Youth.Inc huwa opportunità għaż-żgħażagħ ta’ 16-il sena ’l fuq “sabiex jiżviluppaw ħiliet b’mod sħiħ, b’mod personali u b’mod soċjali sabiex b’hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità u jieħdu l-opportunità għal ħajja aħjar fis-soċjetà ta’ madwarhom.”
Mument sabiħ waqt is-serata kien l-istorja ta’ uffiċjal mill-Community Police li kien jattendi dan il-programm snin ilu, biex illum kiseb il-ħolma tiegħu li jsir pulizija.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901