Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Bormla tinbidel f’teatru ħaj għad-disa’ edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival

PR261481
Date Icon 14/09/2026

Fi tmiem din il-ġimgħa, Bormla se tinbidel f’teatru ħaj hekk kif fit-18 u d-19 ta’ Settembru se ssir id-disa’ edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival. Għal jumejn, it-toroq storiċi tal-inħawi ta’ Santa Margerita se jservu ta’ palk għal disa’ produzzjonijiet teatrali, f’attività li tgħaqqad l-arti, il-kultura u l-komunità f’ambjent uniku.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius, fil-preżenza ta’ rappreżentanti u parteċipanti involuti fil-festival.

Din is-sena, il-festival se jippreżenta seba’ plays kompetittivi u żewġ produzzjonijiet mistiedna, Esplora u Opening Doors. Il-produzzjonijiet kompetittivi ntgħażlu minn fost 45 script li ġew sottomessi wara sejħa miftuħa għall-awturi. Is-seba’ awturi magħżula mbagħad għażlu d-diretturi, l-atturi u l-gruppi li se jkunu qed jagħtu l-ħajja lix-xogħlijiet tagħhom.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li inizjattivi bħal din juru r-rwol importanti li għandhom il-Kunsilli Lokali fil-promozzjoni tal-kultura u fit-tisħiħ tal-komunitajiet. “Il-Cospicua Short Play Festival huwa eżempju ċar ta’ kif il-Kunsilli Lokali jistgħu joħolqu spazju għall-artisti Maltin, filwaqt li jġibu l-kultura eqreb lejn il-komunità u jagħtu ħajja ġdida lill-ispazji pubbliċi tagħna,” qalet il-Ministru. Hija saħqet li l-Gvern se jkompli jappoġġja inizjattivi kulturali ta’ dan it-tip li jħeġġu t-talent lokali, isaħħu l-identità tal-lokalitajiet u jattiraw udjenzi minn madwar il-pajjiż.

Is-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius irringrazzja lill-Gvern għall-għajnuna u l-appoġġ li qed jingħata biex din l-attività tkun tista’ tkompli ssir u tikber. Huwa qal li dan is-sostenn huwa kruċjali biex il-Kunsill Lokali jkun jista’ jkompli jinvesti f’attivitajiet kulturali li jsaħħu l-komunità Bormliża u jpoġġu lil Bormla fuq il-mappa kulturali ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku ta’ dan il-Festival, Joseph Galea spjega li bħala parti mill-edizzjoni ta’ din is-sena, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla nieda wkoll l-ewwel fażi tal-website tal-Cospicua Short Play Festival. Din il-pjattaforma se sservi biex tagħti aktar viżibbiltà lill-festival, lill-produzzjonijiet u lill-artisti li tul is-snin taw il-ħajja lil din l-inizjattiva.

Il-Cospicua Short Play Festival sar għall-ewwel darba fl-2018, meta l-Kunsill Lokali ta’ Bormla applika għal skema ta’ fondi għall-attivitajiet kulturali, bil-għan li jinħoloq proġett kulturali b’saħħtu li jħalli impatt kemm fuq il-komunità lokali kif ukoll fuq il-qasam artistiku. Minn dakinhar ’il hawn, il-festival kiber u stabbilixxa ruħu bħala avveniment importanti mhux biss għal Bormla, iżda wkoll fil-kalendarju kulturali u teatrali ta’ pajjiżna.

Matul is-snin, il-festival serva wkoll bħala pjattaforma importanti għal artisti ġodda biex jesperimentaw u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, filwaqt li joffri lill-artisti stabbiliti opportunità biex ikomplu jesploraw ideat u forom differenti ta’ teatru. 

Id-disa’ edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival se ssir nhar il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru, fl-inħawi ta’ Santa Margerita f’Bormla.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Bormla tinbidel f’teatru ħaj għad-disa’ edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Bormla tinbidel f’teatru ħaj għad-disa’ edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow