Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTRU GĦAS-SAĦĦA It-tobba privati tal-familja issa jistgħu jagħmlu preskrizzjoni għal erba’ mediċini addizzjonali mill-Formularju tal-Gvern

pr261428
Date Icon 04/09/2026

Aktar ħarsien għal eluf ta’ pazjenti b’sehem ikbar mit-tobba tal-familja fil-komunità

It-tobba privati tal-familja li huma speċjalisti fil-mediċina tal-familja issa jistgħu jagħmlu preskrizzjoni ta’ erba’ prodotti mediċinali addizzjonali li jagħmlu parti mill-Formularju tal-Gvern, għall-pazjenti eliġibbli li jkunu taħt il-kura tagħhom. 

L-erba’ prodotti mediċinali huma l-omeprazole għall-oesophageal reflux disease (GORD), l-ibandronic acid, li jintuża fit-trattament tal-osteoporożi kif ukoll il-complete nutritional liquid (sip-feed supplement) u l-fluid thickener li jistgħu jiġu preskritti lil pazjenti li jkollhom bżonn sostenn nutrizjonali jew għajnuna biex jibilgħu, skont il-ħtieġa klinika tagħhom.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, bħala parti minn għadd ta’ ħidmiet li qed iwettaq il-Ministeru għas-Saħħa biex il-komunitajiet f’Malta u Għawdex ikollhom servizzi ta’ kura fil-komunità aħjar u aktar aċċessibbli, bis-sehem sħiħ tat-tobba tal-familja u speċjalisti oħrajn. 

Permezz ta’ dawn l-arranġamenti ġodda għall-preskrizzjoni, il-pazjenti eliġibbli ser ikunu jistgħu jingħataw dawn it-trattamenti mis-servizz tas-saħħa pubblika abbażi ta’ rikjesta u riċetta maħruġa mit-tabib privat tagħhom mingħajr il-ħtieġa ta’ riferiment għand speċjalisti oħrajn, skont l-intitolament applikabbli tal-Iskeda V, il-protokolli tal-formularju u l-linji gwida kliniċi.

Lokalment, bħalissa, hemm aktar minn 35,000 pazjent approvati biex jibbenefikaw minn dawn il-prodotti mediċinali u pazjenti ġodda ser ikunu qed jibbenefikaw minn din il-bidla.

It-tabib ewlieni tal-Gvern Dr Clarence Pace saħaq li din il-bidla qed tkompli ttaffi l-piż fuq l-istituzzjonijiet tas-saħħa. “Dan huwa pass importanti għaliex mhux biss ser inkunu qegħdin innaqqsu l-bżonn li l-pazjenti jagħmlu traġitti għand professjonisti iżda wkoll ser innaqqsu aktar il-pressjoni fuq iċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet tagħna,” qal Dr Pace.

Din l-inizjattiva tkompli tibni fuq sensiela ta’ miżuri li qed jieħu l-Ministeru għas-Saħħa sabiex isaħħaħ il-ħidma tat-tobba privati tal-familja u jtejjeb il-koordinazzjoni u l-użu tar-riżorsi fis-servizz tas-saħħa. Din l-aħbar tiġi wkoll wara li mill-1 ta’ Settembru, l-ispeċjalisti privati fil-mediċina tal-familja u speċjalisti privati oħra ngħataw il-faċilità li jibdew jitolbu firxa usa’ ta’ testijiet tad-demm u eżamijiet bl-ultrasound mill-isptarijiet u l-istituzzjonijiet tas-saħħa tal-Istat, bir-riferimenti u r-riżultati jiġu pproċessati elettronikament permezz tal-myHealth.

Flimkien, dawn il-miżuri jnaqqsu r-riferimenti li jistgħu jiġu evitati, jiffrankaw il-ħin u l-ispejjeż għall-pazjenti, u jippermettu li l-kura tingħata eqreb ta’ darhom, filwaqt li jinżammu s-salvagwardji meħtieġa għall-użu sigur u xieraq tal-mediċini.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg saħaq li dawn l-inizjattivi huma turija ċara tal-fiduċja fil-professjonisti b’mod speċjali t-tobba tal-familja. “Dan huwa l-mod li bih irridu naħdmu, irridu nagħtu aktar saħħa lill-professjonisti li jistgħu jilqgħu l-pazjenti viċin djarhom u fl-irħula u l-ibliet tagħna lil hinn mill-isptarijiet u l-kliniċi tal-Istat. Ser inkomplu b’riformi importanti sabiex il-pazjenti jinqdew bl-aħjar mod viċin djarhom,” qal Dr Borg.

Il-Ministeru ser ikompli jaħdem mat-tobba tal-familja u ma’ dawk kollha involuti f’dan il-qasam biex iżid aktar servizzi li jistgħu jingħataw b’mod sigur u effettiv fil-komunità.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI      Tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja b’ħatra ta’ 9 medjaturi oħra fil-Qorti tal-Familja

PR261914

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ...

 PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives, Carmelo Abela, holds bilateral meetings with counterparts from Cyprus and Slovakia

PR261913en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Re...

More Press Releases Right arrow