Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Titnieda esperjenza ta’ attività fi grupp ibbażata fuq ir-realtà virtwali fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva

pr261419
Date Icon 03/09/2026

Inizjattiva innovattiva li tippromwovi l-parteċipazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja u l-benesseri tal-anzjani

Ġiet imnedija esperjenza ġdida ta' realtà virtwali (VR) fi grupp fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun. Din l-inizjattiva tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) tifforma parti mill-impenn kontinwu biex is-servizzi jkomplu jiġu mmodernizzati u titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li jgħixu fil-komunità.

Matul it-tnedija, l-anzjani li jattendu ċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun kellhom l-opportunità jippruvaw din it-teknoloġija u jieħdu sehem f'esperjenzi virtwali forma ta' grupp. Għall-attività attendew ukoll rappreżentanti tal-AACC flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva, Deo Debattista.

Permezz ta' din it-teknoloġija, l-anzjani jistgħu jieħdu sehem f'esperjenzi immersivi u interattivi fi grupp, fosthom vjaġġi virtwali, żjarat kulturali u attivitajiet rikreattivi. Lil hinn mill-esperjenza virtwali nnifisha, dawn l-attivitajiet iħeġġu l-interazzjoni soċjali u d-diskussjoni bejn il-parteċipanti. B'hekk, l-anzjani jingħataw l-opportunità jesploraw ambjenti ġodda, jitgħallmu, jinteraġixxu u jerġgħu jgħixu memorji flimkien, f'ambjent sigur u pjaċevoli.

Fil-ġimgħat li ġejjin, din l-esperjenza se tkompli tiġi estiża fost l-anzjani li jattendu ċ-ċentri, bil-għan li jkunu jistgħu jżuru pajjiżi oħra b'mod virtwali u jinvolvu ruħhom ma' anzjani oħra. It-teknoloġija tista' tintuża wkoll f'attivitajiet ta' reminixxenza, fejn esperjenzi marbuta mal-passat jistgħu jgħinu lill-individwu jfakkar episodji minn ħajtu u jħeġġuh jikkomunika aħjar.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li din hija miżura oħra tal-manifest elettorali li twettqet fl-ewwel 100 jum ta' dan il-Gvern. Huwa qal ukoll li din l-inizjattiva turi kif it-teknoloġija tista' titqiegħed għas-servizz tal-persuna. “Irridu li ċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva jibqgħu spazji dinamiċi, inklużivi u attraenti, fejn l-anzjani jingħataw opportunitajiet ġodda biex jibqgħu attivi, jitgħallmu u jħossuhom aktar konnessi. Bir-realtà virtwali qegħdin niftħu tieqa għal esperjenzi ġodda, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-benesseri u l-parteċipazzjoni soċjali tagħhom," qal Dr Debattista.

Il-Kap Eżekuttiv tal-AACC Steve Agius qal li l-inizjattiva hija msejsa fuq riċerka li saret fost anzjani li jattendu ċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u li użaw din it-teknoloġija. “Minkejja li żewġ terzi tal-parteċipanti qatt ma kienu użaw teknoloġija simili, 91% rrappurtaw livell għoli ta' sodisfazzjon, 93% esperjenzaw emozzjonijiet pożittivi u 91% qalu li jixtiequ jerġgħu jużaw ir-realtà virtwali. Dawn ir-riżultati juru l-potenzjal ta' din it-teknoloġija mhux biss bħala esperjenza individwali, iżda bħala attività fi grupp li tqanqal il-konverżazzjoni, l-interazzjoni soċjali u l-qsim tal-memorji," qal Dr Agius.

Din l-inizjattiva tkompli tikkontribwixxi biex iċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva jsiru aktar innovattivi u joffru esperjenzi li jirrispondu għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-popolazzjoni anzjana. Fl-istess waqt, hija tappoġġja l-għanijiet tal-Viżjoni Malta 2050 billi tippromwovi l-innovazzjoni, l-inklużjoni diġitali u anzjanità aktar attiva u b'saħħitha.

Għal aktar informazzjoni dwar iċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u s-servizzi offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, wieħed jista' jċempel liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 2278 8900, iżur l-uffiċini fi 3, Triq Żekka, il-Belt Valletta, jew jidħol fis-sit aacc.gov.mt. F'Għawdex, wieħed jista' jċempel fuq 2278 8650 jew iżur l-uffiċini f'39, Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex. L-informazzjoni hija disponibbli wkoll permezz tal-freephone 153, estensjoni 12.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Titnieda esperjenza ta’ attività fi grupp ibbażata fuq ir-realtà virtwali fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Titnieda esperjenza ta’ attività fi grupp ibbażata fuq ir-realtà virtwali fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Titnieda esperjenza ta’ attività fi grupp ibbażata fuq ir-realtà virtwali fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Titnieda esperjenza ta’ attività fi grupp ibbażata fuq ir-realtà virtwali fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI      Tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja b’ħatra ta’ 9 medjaturi oħra fil-Qorti tal-Familja

PR261914

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ...

 PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives, Carmelo Abela, holds bilateral meetings with counterparts from Cyprus and Slovakia

PR261913en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Re...

More Press Releases Right arrow