STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Aktar minn €1.3 miljun f’fondi Ewropej għal żewġ proġetti innovattivi ġodda fl-MCAST
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, ħabbru t-tnedija ta’ żewġ proġetti strateġiċi ġodda fl-MCAST b’investiment ta’ aktar minn €1.3 miljun f’fondi Ewropej, li se jwasslu għall-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida u avvanzata fl-MCAST, filwaqt li se jiġu ikkreati opportunitajiet ġodda għall-istudenti, ir-riċerkaturi u n-negozji Maltin.
L-ewwel proġett, b’investiment totali ta’ €855,500, b’għotja ta’ €775,750 minn fondi Ewropej, se jwassal għat-twaqqif tal-ewwel faċilità f’Malta għat-testijiet tal-impatt permezz ta’ Single-Stage Light-Gas Gun, li se jippermetti testijiet ikkontrollati b’veloċità għolja f’oqsma bħall-avjazzjoni u l-ajruspazju. B’dan l-investiment se jkun qed jissaħħaħ is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni billi jiġi pprovdut aċċess għal infrastruttura esperimentali ta’ preċiżjoni għolja lir-riċerkaturi, lill-akkademiċi u lill-industrija.
It-tieni proġett b’investiment ta’ madwar €676,000, b’għotja ta’ €556,400 minn fondi Ewropej, se jistabbilixxi Faċilità għar-Riċerka u t-Taħriġ fil-Manifattura Addittiva tal-Metall. Din se tintroduċi teknoloġiji avvanzati ta’ livell industrijali u se tintuża għar-riċerka applikata, taħriġ prattiku, żvilupp ta’ prototipi u kollaborazzjoni mal-industrija.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-għan tal-fondi Ewropej li qed jissarrfu f’opportunitajiet reali li jsawru u jsaħħu l-futur ta’ pajjiżna. “Dan l-investiment f’dawn il-proġetti huma xhieda ċara ta’ kif il-fondi Ewropej qed jissarfu f’kapaċitajiet ġodda u konkreti, kif ukoll juru t-tip ta’ ekonomija moderna bbażata fuq l-innovazzjoni, ix-xjenza, u l-ħolqien ta’ valur miżjud, li trid tinbena għall-futur.”
Il-Ministru Azzopardi Tanti għalaq il-messaġġ tiegħu billi rringrazzja lit-tmexxija, lir-riċerkaturi, u lill-kulleġġ kollu tal-MCAST għall-viżjoni, il-preparazzjoni metikoluża, u l-impenn tagħhom biex dawn il-proġetti jissarrfu f’realtà tanġibbli.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan l-investiment se jagħti lill-istudenti tal-MCAST aktar opportunitajiet għal tagħlim u taħriġ prattiku speċjalizzat, filwaqt li jkompli jqarreb il-ħiliet li jiksbu mal-ħtiġijiet tal-industrija li dejjem qed jevolvu.
“Dan l-investiment huwa eżempju ċar tad-direzzjoni li rridu nkomplu nagħtu lill-edukazzjoni f’pajjiżna: minn għarfien għal kompetenza, minn tagħlim għal applikazzjoni u minn kwalifika għal opportunitajiet. B’dawn il-faċilitajiet, l-istudenti tal-MCAST mhux biss se jitgħallmu dwar teknoloġiji avvanzati, iżda se jkunu jistgħu jużawhom, jagħmlu riċerka u jiżviluppaw ħiliet li jressquhom eqreb lejn il-ħtiġijiet tal-industrija. Irridu edukazzjoni li tħares ’il quddiem, li tipprepara lill-istudenti għall-opportunitajiet ta’ għada u li tagħtihom l-għodod biex jilħqu l-potenzjal tagħhom,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Stephen Vella saħaq fuq l-importanza taż-żewġ proġetti u kif permezz tagħhom se jkun possibbli biex jkomplu mixjin lejn era ġdida ta’ riċerka. Huwa wera l-gratitudni tiegħu lejn l-għoti ta’ dawn il-fondi Ewropej lill-istituzzjoni tal-MCAST.
Other Press Releases:
PR261914
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ...
PR261913en