STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA L-atleti ta’ Special Olympics ippreżentati bil-kits uffiċjali għall-European Swimming Open Malta 2026
Imnedija l-identità l-ġdida li se jġorru magħhom l-atleti Maltin waqt il-European Swimming Open Malta 2026, li se tittella’ f’pajjiżna bejn l-10 u l-14 ta’ Settembru 2026.
Il-preżentazzjoni tal-kits uffiċjali saret mill-President ta’ Special Olympics Malta, Lydia Abela, f’attività li għaliha kienu preżenti l-atleti u l-kowċis, flimkien mal-familji tagħhom u mal-voluntiera kollha.
Il-kits nazzjonali, li se jwasslu lil Tim Malta wkoll għal-Logħob Dinji ta’ Special Olympics fiċ-Ċilì s-sena d-dieħla, kienu ffinanzjati mill-Fond għall-Kawżi Soċjali taħt it-tmexxija tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana.
Lydia Abela qalet li dan l-appoġġ mhuwiex biss finanzjarju, iżda huwa investiment fl-inklużjoni, fid-dinjità u fl-opportunità għal kull atleta ta’ Special Olympics.
Dr Abela qalet li l-atleti Maltin jagħtu l-aħjar tagħhom kull meta jitħarrġu u kull meta jikkompetu u, għalhekk, ħaqqhom l-aħjar preparazzjoni u riżorsi biex jirrappreżentaw lil pajjiżna bl-unuri.
“Meta jilbsu dawn il-kuluri, l-atleti tagħna se jġorru isem Malta bi kburija u Malta se tkun warajhom f’kull mument,” saħqet mart il-Prim Ministru.
Dr Abela temmet tħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal din il-kompetizzjoni internazzjonali, għax il-preżenza ta’ kulħadd tkun l-akbar saħħa għall-atleti.
Pajjiżna se jkun qed jospita 36 nazzjon minn madwar id-dinja u ċ-ċerimonja tal-ftuħ se ssir fil-11 ta’ Settembru fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
Other Press Releases:
PR261914
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ...
PR261913en