Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imwettqa wegħda elettorali oħra biex jissaħħaħ is-servizz tal-klieb ta’ assistenza f’Malta

PR261409
Date Icon 02/09/2026

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u s-Service Dogs Malta Foundation iffirmaw ftehim ġdid ta’ aktar minn €150,000 fuq medda ta’ tliet snin sabiex jissaħħaħ u jitwessa’ s-servizz tal-klieb ta’ assistenza f’Malta.

Permezz tal-ftehim, il-Ministeru se jinvesti aktar minn €50,000 fis-sena bejn l-2027 u l-2029. Dan l-investiment se jintuża, fost l-oħrajn, għat-taħriġ ta’ tliet klieb tas-servizz kull sena, bil-għan li aktar persuni b’diżabilità jew b’kundizzjonijiet differenti jkollhom aċċess għall-assistenza li jeħtieġu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Ippresjediet fuq l-iffirmar ta’ dan il-ftehim il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. Il-ftehim jagħti lis-Service Dogs Malta Foundation qafas ta’ sostenn mifrux fuq tliet snin, sabiex tkun tista’ tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha fis-soċjalizzazzjoni u t-taħriġ professjonali tal-klieb, kif ukoll fil-proċess sabiex dawn eventwalment jingħaqdu ma’ persuni li jkunu jeħtieġu l-assistenza tagħhom.

B’dan il-ftehim il-Gvern qed iwettaq il-wegħda tal-manifest elettorali, li permezz tagħha intrabat li jkompli jaħdem mas-Service Dogs Malta Foundation u jibda jalloka fondi kull sena għat-taħriġ ta’ klieb imħarrġa apposta. Dawn il-klieb jipprovdu appoġġ prattiku importanti, fosthom għajnuna fil-mobilità u fl-orjentazzjoni, filwaqt li jsaħħu l-indipendenza, il-kunfidenza u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jagħmlu użu minnhom.

Il-finanzjament se jkopri aspetti essenzjali fosthom it-trobbija u t-taħriġ tal-klieb, il-kura veterinarja, l-ikel, l-ispejjeż marbuta mal-familji li jieħdu ħsieb il-ġriewi matul il-fażi inizjali tagħhom, kif ukoll spejjeż relatati mal-kennels u l-amministrazzjoni. Il-ftehim jinkludi wkoll miżuri ta’ governanza, trasparenza u kontabilità sabiex jiġi żgurat l-użu responsabbli u effettiv tal-fondi pubbliċi.

Il-Ministru Julia Farrugia qalet li “dan mhuwiex sempliċiment ftehim ta’ finanzjament, iżda investiment fl-awtonomija, fid-dinjità u fil-libertà tal-persuni. Huwa dejjem pożittiv meta l-Gvern u għaqda volontarja jingħaqdu madwar missjoni speċifika u jaħdmu flimkien biex iġibu bidla konkreta fil-ħajja tan-nies. Qed nagħtu lis-Service Dogs Malta Foundation is-sostenn meħtieġ sabiex tippjana fit-tul u tħarreġ aktar klieb tas-servizz. Fl-istess waqt, qed inwettqu wegħda elettorali oħra permezz ta’ miżura li se tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom.” 

Min-naħa tiegħu, il-President tas-Service Dogs Malta Foundation, Joseph Stafrace spjega, “Dan il-ftehim jagħtina aktar stabbiltà sabiex inkomplu nkabbru u nsaħħu s-servizz tagħna. Permezz ta’ dan l-appoġġ se nkunu nistgħu nħarrġu aktar klieb u noħolqu aktar opportunitajiet għal persuni li jeħtieġu l-assistenza tagħhom sabiex jgħixu b’aktar indipendenza u bi kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Iffirmaw dan il-ftehim Joseph Stafrace f’isem l-għaqda Service Dogs Malta Foundation, u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Stephanie Rocco.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imwettqa wegħda elettorali oħra biex jissaħħaħ is-servizz tal-klieb ta’ assistenza f’Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imwettqa wegħda elettorali oħra biex jissaħħaħ is-servizz tal-klieb ta’ assistenza f’Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imwettqa wegħda elettorali oħra biex jissaħħaħ is-servizz tal-klieb ta’ assistenza f’Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow