Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Imniedi proġett ambizzjuż favur il-ħarsien tal-ambjent

pr261402
Date Icon 01/09/2026

Investiment ta’ €9 miljun biex jissaħħaħ in-network Natura 2000

Tnediet waħda mill-aktar inizjattivi ambizzjużi favur il-bijodiversità, bil-għan li jissaħħu r-reżiljenza ekoloġika u l-immaniġġjar sostenibbli tal-viżitaturi fejn bħala proġett għandu l-għan li jeduka u jinforma lill-pubbliku li jżur dawn is-siti  ta’ Natura 2000 dwar l-importanza tagħhom, kif ukoll dwar kif huma stess jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni, għall-benefiċċju tal-ambjent u sabiex dan il-wirt naturali jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Proġett E-CORE (Environmental Connectivity for Optimised Resiliency and Ecosystem Management in Natura 2000 Sites) tnieda mill-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, flimkien ma’ Ambjent Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). 

B’investiment totali ta’ madwar €9 miljun, kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea u fondi nazzjonali, il-Proġett E-CORE għandu l-għan li jħares ħabitats importanti filwaqt li jtejjeb l-aċċess tal-pubbliku u l-apprezzament lejn il-wirt naturali tal-Gżejjer Maltin.

“Dan il-proġett ambizzjuż jenfasizza l-importanza tal-ambjent naturali ta’ Malta u jirrifletti l-impenn tagħna lejn il-ħarsien tal-bijodiversità, filwaqt li jiżgura li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jkomplu jgawdu u jibbenefikaw mill-wirt naturali uniku ta’ pajjiżna. Din it-tnedija timmarka l-bidu ta’ investiment sinifikanti u fit-tul fil-konservazzjoni, fir-restawr ekoloġiku u fil-protezzjoni tal-ambjent, u tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħna biex nipproteġu s-siti Natura 2000 kif ukoll inkomplu nsaħħu r-reżiljenza tagħhom quddiem l-isfidi ambjentali tal-futur. Ix-xogħlijiet diġà bdew f’ċerti żoni, u se nkomplu ninvestu fi proġetti li jħarsu l-bijodiversità filwaqt li jippermettu lin-nies jesperjenzaw, jifhmu u japprezzaw aħjar il-wirt naturali tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal, “Proġett ambjentali importanti li qed isir b’sinerġija bejn iż-żewġ Ministeri u fejn qed niddedikaw xejn inqas minn €9 miljun. Permezz tal-fondi Ewropej qed inkomplu inwettqu proġetti għat-tgawdija tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Il-Proġett E-CORE se jinkludi sensiela ta’ interventi f’diversi siti protetti Natura 2000, b’enfasi fuq ir-restawr tal-ħabitats, il-kontroll ta’ speċi invażivi, il-monitoraġġ ambjentali u l-konservazzjoni tal-fawna selvaġġa.

Id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta, Herman Galea qal “Il-Proġett E-CORE qed isaħħaħ il-protezzjoni tas-siti Natura 2000 ta’ Malta filwaqt li jgħin lin-nies jersqu aktar lejn in-natura. Permezz tal-ħidma tan-Nature Stewards ta’ Ambjent Malta, il-viżitaturi jistgħu jifhmu aħjar l-importanza tal-bijodiversità u r-responsabbiltà komuni li nipproteġu l-wirt naturali tagħna.”

Il-Kap Xjentifiku tad-Direttorat tal-Proġetti Ambjentali ta’ Ambjent Malta, Alexander Borg Galea, spjega “Permezz tal-Proġett E-CORE, qed nirrestawraw ħabitats ewlenin, qed nipproteġu speċi vulnerabbli, u ntejbu s-siti Natura 2000 sabiex niżguraw li l-wirt naturali ta’ Malta jkun jista’ jitgawda u jiġi mħares mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Il-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Kevin Mercieca qal “Il-proġett importanti E-CORE huwa investiment fin-natura ta’ Malta u jirrappreżenta pass minn protezzjoni legali għall-ġestjoni attiva u r-restawr tal-ekosistemi. Permezz tas-sħubija bejn l-ERA u Ambjent Malta, qed ngħaqdu l-għarfien xjentifiku ma’ xogħlijiet li ser isiru fuq il-post sabiex insaħħu l-konservazzjoni tas-siti Natura 2000 tagħna. Is-suċċess tal-proġett jitkejjel mhux biss mix-xogħlijiet li saru fuq il-post u mill-faċilitajiet il-ġodda disponibbli għat-tgawdija tal-pubbliku, iżda wkoll mill-wirt naturali li jħalli warajh.”

Il-Proġett E-CORE se jinkludi wkoll faċilitajiet ġodda edukattivi u għall-viżitaturi, fosthom it-trasformazzjoni tal-eks Stazzjon tar-Radar tal-Marfa f’Ċentru ta’ Interpretazzjoni Natura 2000 u tal-Fawna ta’ Billejl, kif ukoll l-iżvilupp tal-Buskett Water Heritage Trail.

Permezz ta’ infrastruttura mtejba għall-viżitaturi, kampanji ta’ għarfien u opportunitajiet ta’ taħriġ għall-professjonisti fil-qasam tal-konservazzjoni, se jkompli jiġi appoġġjat l-immaniġġjar sostenibbli taż-żoni protetti ta’ Malta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Imniedi proġett ambizzjuż favur il-ħarsien tal-ambjent
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Imniedi proġett ambizzjuż favur il-ħarsien tal-ambjent
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  MCCAA signs new Collective Agreement delivering substantial improvements in salaries, employee benefits and professional development opportunities

PR261917en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  L-MCCAA tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid li se jwassal għal titjib sostanzjali fis-salarji, fil-benefiċċji tal-impjegati u opportunitajiet imsaħħa ta’ żvilupp professjonali

PR261917

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow