Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imniedi l-Young Researchers’ Grant biex iħeġġeġ liż-żgħażagħ jesploraw ix-xjenza u r-riċerka

PR261379
Date Icon 26/08/2026

Iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora nieda l-Young Researchers’ Grant 2026, inizjattiva mfassla biex trawwem il-kurżità u tagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jwettqu riċerka xjentifika reali minn età żgħira.

Il-fond, li jinfetaħ mil-lum, is-26 ta’ Awwissu 2026, huwa miftuħ għaċ-ċittadini Maltin u għad-detenturi ta’ permess ta’ residenza f’Malta, li għandhom bejn 13 u 21 sena. Il-fond għandu żewġ kategoriji ta’ etajiet: Esploraturi Nebbieta (13–17) u Esploraturi Blanzuni (18–21), li t-tnejn li huma jirċievu l-istess livell ta’ appoġġ. L-applikanti jistgħu japplikaw individwalment jew f’timijiet ta’ mhux aktar minn tliet persuni.

Esplora mistenni li jappoġġja bejn 15 u 18-il proġett fl-ewwel edizzjoni. Kull Esploratur se jingħaqad ma’ riċerkatur jew mentor, issuġġerit mill-applikanti nfushom jew identifikat bl-għajnuna ta’ Esplora.

Kull proġett jista’ jirċievi sa €700 għall-ispejjeż tar-riċerka, inklużi materjal, tagħmir, software u vjaġġar għall-fieldwork. Il-mentors jistgħu jirċievu sa €1,000 separatament, b’rikonoxximent għall-gwida tagħhom. Il-programm jinkludi wkoll programm ta’ taħriġ prattiku li jkopri l-ħiliet ta’ riċerka trażversali.

Il-proġetti jistgħu jesploraw firxa wiesgħa ta’ oqsma xjentifiċi, inklużi l-baħar, is-sema, it-teknoloġija, is-saħħa u l-ambjent, u se jdumu għaddejjin għal 12-il xahar, u b’hekk jagħtu lill-parteċipanti l-ħin u l-għajnuna biex jinvestigaw il-mistoqsijiet ta’ riċerka li jagħżlu.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima spjega li dan il-fond jirrifletti l-investiment dirett tal-gvern fil-bini tal-kapaċità ta’ riċerka ta’ Malta mill-bidu nett, mhux biss fil-livell universitarju u fl-industrija. “Għandna ninkoraġixxu lil żgħażagħ biex jistaqsu u jinvestigaw b’mod miftuħ id-dinja ta’ madwarhom u dan il-fond se jgħinhom propju jagħmlu dan. Il-futur ta’ Malta fir-riċerka u l-innovazzjoni ma jistax jinbena biss fil-livell universitarju jew tal-industrija, imma jrid jibda billi jqanqal il-kurżità fl-adolexxenti u ż-żgħażagħ, billi jagħtihom esperjenza reali u prattika ta’ x’tinvolvi r-riċerka,” qal il-Ministru Grima.

Is-Senior Director ta’ Esplora Mary-Ann Cauchi qalet: “Bil-Young Researchers’ Grant 2026, qed nagħtu liż-żgħażagħ mhux biss l-opportunità li jitgħallmu dwar ir-riċerka, iżda l-opportunità li jsiru riċerkaturi huma stess, li jistaqsu mistoqsijiet, jittestjaw ideat, jiġbru evidenza u jaqsmu dak li jiskopru. Dan huwa pass konkret fl-evoluzzjoni ta’ Esplora biex isir il-pjattaforma nazzjonali ta’ Malta għall-involviment ta’ STEAM, filwaqt li jwieġeb direttament għall-ħtieġa li jinżamm l-interess taż-żgħażagħ fix-xjenza. Billi ngħaqqdu kull riċerkatur żagħżugħ ma’ mentor mill-komunità tar-riċerka u dik professjonali ta’ Malta, qed nibnu wkoll pontijiet aktar b’saħħithom bejn iż-żgħażagħ u l-ekosistema usa’ ta’ STEAM. Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa investiment fi mħuħ żgħażagħ kurjużi u attentat biex jingħataw il-ħiliet, il-kunfidenza u l-opportunitajiet biex jgħinu fit-tiswir tal-futur ta’ Malta.”

Matul it-tnedija, Dr Sarah Schembri, Eżekuttiv (Riċerka u Finanzjament) f’Esplora, mexxiet sensiela ta’ interventi qosra li fihom ħadu sehem l-istudenti Nathan Camilleri u Michaela Borg Cardona, li qasmu l-perspettivi tagħhom dwar xi tfisser għalihom ir-riċerka u t-tipi ta’ proġetti li ż-żgħażagħ setgħu jwettqu permezz tal-fond. Dr Inġ. Kevin Theuma, lettur tal-MCAST, ukoll ikkontribwixxa għad-diskussjoni, fejn enfasizza l-benefiċċji tat-tagħlim b’esperjenza prattika flimkien mal-istruzzjoni tradizzjonali.

Sessjoni ta’ informazzjoni online se ssir fit-2 ta’ Settembru fil-17:00, segwita mill-iskadenza tal-applikazzjoni fil-21 ta’ Ottubru. Ir-riżultati jitħabbru fil-21 ta’ Novembru 2026.

L-applikanti prospettivi huma mħeġġa jattendu s-sessjoni ta’ informazzjoni biex jitgħallmu aktar u jistaqsu mistoqsijiet. Il-linji gwida kompluti u l-formola tal-applikazzjoni online se jkunu disponibbli fuq il-website ta’ Esplora. Il-mistoqsijiet jistgħu jintbagħtu lil funds.esplora@gov.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imniedi l-Young Researchers’ Grant biex iħeġġeġ liż-żgħażagħ jesploraw ix-xjenza u r-riċerka
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow