Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Aktar minn 100 proġett infrastrutturali f’diversi stadji ta’ twettiq

PR261377
Date Icon 26/08/2026

Pjan strateġiku għal twassil ta' investimenti infrastrutturali effiċjenti u fil-ħin

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard, flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Ronald Mizzi, żaru l-uffiċini ta' Infrastructure Malta fejn ġew milqugħa mill-Kap Eżekuttiv Steve Ellul u l-Kap Operattiv il-Perit Janice Borg.

Bħala parti mill-aġġornament li ngħataw waqt iż-żjara, ġie spjegat li Infrastructure Malta bħalissa għandha aktar minn 100 proġett infrastrutturali f'diversi stadji ta' twettiq, minn xogħol ta' ppjanar u disinn sa proġetti li jinsabu fil-fażi ta' implimentazzjoni jew li qed joqorbu lejn it-tlestija.

Dawn il-proġetti jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma u interventi madwar Malta u Għawdex, inklużi xogħlijiet fuq it-toroq u l-konnettività, proġetti maġġuri infrastrutturali, spazji pubbliċi, infrastruttura marittima u interventi oħra li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-pajjiż li qed jevolvu.

Il-Ministru Attard saħaq li, “L-impenn tiegħi f'dawn id-dekasteri huwa wieħed li jkompli b'aktar investiment fir-riżorsa umana biex inkomplu noffru l-għodda li hemm bżonn biex inkunu nistgħu ntejbu s-servizzi offruti liċ-ċittadini. Infrastructure Malta ċertament għandha rwol kruċjali u ċentrali f'dak li għandu x'jaqsam mal-programm ta' ħidma tal-gvern li jipprospetta varji proġetti infrastrutturali intiżi li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies tagħna u jirrispondi mhux biss għal neċessitajiet tal-lum imma anki dawk futuri".

Il-volum u d-diversità tal-proġetti jirriflettu l-iskala tal-ħidma li qed titwettaq minn Infrastructure Malta u l-ħtieġa għal koordinazzjoni kontinwa bejn it-timijiet tekniċi, operattivi u amministrattivi biex l-investiment pubbliku jitwassal b'mod effiċjenti, sostenibbli u fil-ħin.

Matul id-diskussjonijiet ġie enfasizzat ukoll li l-entità qed tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tagħha biex timmaniġġja dan il-pipeline ta' proġetti, b'aktar ippjanar strateġiku, koordinazzjoni interna, monitoraġġ tal-progress u governanza tal-proġetti. Dan għandu jwassal għal proċess aktar effiċjenti, minn meta jiġi identifikat il-bżonn għal intervent infrastrutturali sal-kunsinna tiegħu lill-komunitajiet.

Il-Ministru Attard laqa' din il-ħidma u enfasizza l-importanza li l-investiment infrastrutturali jkompli jiġi ppjanat b'viżjoni fit-tul, filwaqt li jiġu massimizzati r-riżorsi disponibbli u jitnaqqsu d-dewmien u l-inkonvenjenzi għall-pubbliku.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul ta rendikont tal-ħidma li qed issir mill-entità u rringrazzja lill-impjegati għall-professjonalità tagħhom, filwaqt li tenna l-impenn ta' Infrastructure Malta li tkompli twettaq il-missjoni tagħha permezz ta' ppjanar strateġiku, governanza tajba u eċċellenza operattiva biex il-pajjiż jimxi għall-pass li jmiss f'dan il-qasam.

Matul iż-żjara, il-Ministru u s-Segretarju Permanenti ltaqgħu mal-impjegati u l-kapijiet ta' diversi taqsimiet li jiffurmaw parti mill-operat ta' Infrastructure Malta. Huma żaru fost oħrajn it-taqsimiet tal-Procurement, tar-Riżorsi Umani, tal-Awditjar Intern, tal-Proġetti Esterni, tal-Informatika, tax-xogħlijiet fuq it-toroq, tas-sorveljanza tal-artijiet u dik kwantitattiva, tal-Marittimu, tal-Esproprjazzjonijiet, tal-Proġetti Maġġuri, tar-relazzjonijiet maċ-ċittadini, tal-koordinament & manutenzjoni, tal-Finanzi, tal-Komunikazzjoni u dik Legali.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Aktar minn 100 proġett infrastrutturali f’diversi stadji ta’ twettiq
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Aktar minn 100 proġett infrastrutturali f’diversi stadji ta’ twettiq
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Aktar minn 100 proġett infrastrutturali f’diversi stadji ta’ twettiq
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow