Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Science in the City 2026 jgħaqqad ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-kreattività

PR261376
Date Icon 26/08/2026
  • “Research, Resist, Reimagine" tħeġġeġ il-kurżità, il-ħsieb kritiku u l-parteċipazzjoni permezz tax-xjenza u r-riċerka

L-edizzjoni ta' din is-sena ta' Science in the City se terġa' tqarreb ix-xjenza u r-riċerka lejn il-pubbliku permezz ta' programm li jgħaqqad ir-riċerka, l-arti, l-edukazzjoni u l-kreattività. Bit-tema “Research, Resist, Reimagine", il-festival se jesplora kif ir-riċerka tista' tgħinna nifhmu aħjar id-dinja ta' madwarna, nisfidaw ideat u sistemi eżistenti, u nimmaġinaw possibbiltajiet ġodda għall-futur.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, indirizzaw it-tnedija tal-edizzjoni ta' din is-sena li matulha tkellmu dwar l-importanza li r-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni jkunu aktar aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll dwar ir-rwol tal-edukazzjoni biex tqajjem il-kurżità, il-kreattività u l-ħsieb kritiku fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

Il-Ministru Clifton Grima saħaq fuq l-importanza ta' Science in the City bħala pjattaforma li tqarreb ir-riċerka u l-innovazzjoni lejn is-soċjetà u tagħmilhom aktar relevanti għall-ħajja ta' kuljum.

“Science in the City huwa festival prestiġjuż li jlaqqa' flimkien il-komunitajiet tax-xjenza u tal-arti biex iqarrbu x-xjenza lejn il-pubbliku. Ir-riċerka u l-innovazzjoni mhumiex kunċetti astratti. Dawn jolqtu direttament il-mod kif ngħixu – mis-saħħa u r-reżiljenza klimatika sad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, l-iżvilupp sostenibbli, il-mobilità u l-ħarsien tal-ambjent. Huwa għalhekk importanti li r-riċerka ma tibqax limitata għal-laboratorji, l-universitajiet jew il-pubblikazzjonijiet akkademiċi, iżda tasal fil-komunità b'mod aċċessibbli, li jinftiehem u li jkun relevanti għaċ-ċittadini," qal il-Ministru Grima.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri tkellem dwar id-dimensjoni edukattiva tal-festival u l-importanza li t-tagħlim tax-xjenza jkun marbut aktar ma' esperjenzi prattiċi, ir-riċerka u d-dinja ta' madwar l-istudenti.

“Ix-xjenza hija l-bażi mhux biss tal-għerf, iżda wkoll tal-progress u l-benesseri tas-soċjetà. Għalhekk irridu nkomplu nqarrbuha lejn l-istudenti tagħna u nuruhom kif dak li jitgħallmu fil-klassi għandu rabta diretta mad-dinja ta' madwarhom. Inizjattivi bħal Science in the City iqanqlu l-kurżità, il-kreattività u l-ħsieb kritiku, u jgħinu biex aktar żgħażagħ jiskopru l-opportunitajiet li jeżistu fl-oqsma tax-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija. Irridu nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet biex l-istudenti mhux biss jitgħallmu x-xjenza, iżda jesperjenzawha u jaraw il-possibbiltajiet li tista' tiftaħ għalihom fil-futur," qal il-Ministru Camilleri.

Science in the City ilu jiġi organizzat mill-2012 u matul is-snin kompla jikber kemm fil-parteċipazzjoni kif ukoll fil-firxa tal-attivitajiet tiegħu. Minn madwar 12,000 persuna fl-ewwel edizzjoni, il-festival illum jilqa' aktar minn 33,000 persuna fis-sena. Għall-2026, aktar minn 100 organizzazzjoni rreġistraw il-parteċipazzjoni tagħhom, fosthom entitajiet mir-riċerka, l-arti, l-edukazzjoni, NGOs, organizzazzjonijiet tal-istudenti, l-industrija u s-settur pubbliku. Din is-sena huwa stmat li l-festival jilħaq madwar 35,000 viżitatur.

Id-dimensjoni edukattiva ta' Science in the City testendi wkoll direttament fl-iskejjel permezz tal-programm Researchers at Schools, li jgħaqqad it-tagħlim fil-klassi mar-riċerka permezz ta' attivitajiet interattivi u addattati għall-etajiet differenti. Permezz ta' approċċ STEAM, l-istudenti jingħataw l-opportunità jiltaqgħu ma' riċerkaturi, jesploraw karrieri differenti u jieħdu sehem f'attivitajiet prattiċi ta' soluzzjoni ta' problemi. Għas-sena 2026/2027, il-programm għandu l-għan li jilħaq aktar minn 40 skola, 5,000 student u 80 edukatur.

Science in the City joffri wkoll opportunitajiet ta' żvilupp professjonali għall-edukaturi f'oqsma bħall-komunikazzjoni tax-xjenza, metodi kreattivi ta' tagħlim, l-inklużjoni u l-litteriżmu diġitali, bil-għan li jissaħħaħ aktar it-tagħlim ibbażat fuq l-esplorazzjoni u l-approċċ STEAM.

Il-programm ta' din is-sena jinkludi attivitajiet ta' qabel il-festival sat-23 ta' Settembru, il-festival ewlieni fit-toroq fil-25 u s-26 ta' Settembru, u l-festival tal-prestazzjonijiet fis-6 u s-7 ta' Novembru. Permezz tal-kollaborazzjoni bejn riċerkaturi, artisti, edukaturi, studenti, organizzazzjonijiet u l-pubbliku, Science in the City se jkompli jwassal ix-xjenza u r-riċerka lil hinn mil-laboratorju u mill-klassi, u aktar qrib il-komunità.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Science in the City 2026 jgħaqqad ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-kreattività
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Science in the City 2026 jgħaqqad ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-kreattività
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow