Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Speċjalisti fil-mediċina tal-familja u speċjalisti oħra li jaħdmu fil-privat se jkollhom aċċess għal aktar testijiet kliniċi għall-pazjenti tagħhom mill-1 ta’ Settembru

PR261371
Date Icon 25/08/2026

Qed jitwessa' l-aċċess tal-ispeċjalisti għal investigazzjonijiet mediċi fi sptarijiet tal-istat għall-ewwel darba sa mill-2007

Mit-Tlieta, 1 ta' Settembru, speċjalisti li jaħdmu fil-prattika privata, inklużi speċjalisti fil-mediċina tal-familja (tobba tal-familja), se jkunu jistgħu jitolbu firxa usa' ta' testijiet tad-demm u eżamijiet bl-ultrasound mill-isptarijiet tal-Istat u istituzzjonijiet oħra tas-saħħa għall-pazjenti li jkunu taħt il-kura tagħhom.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, ħabbar dan l-iżvilupp wara li saru d-diskussjonijiet meħtieġa ma' dawk konċernati, fosthom l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Familja Privati, il-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja, rappreżentanti oħra ta' speċjalisti li jaħdmu fil-privat u l-awtoritajiet ta' Sptar Mater Dei.

“Dan il-ftehim ifisser li pazjenti ta' speċjalisti privati fil-mediċina tal-familja se jiffrankaw il-ħin u l-flus billi ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jiġu riferuti fis-sistema pubblika, jew iħallsu privatament, biex jikkonsultaw speċjalisti oħra, sabiex jiksbu appuntament għal investigazzjonijiet li l-Istat jipprovdi fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u f'entitajiet oħra tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa," qal Dr Borg, filwaqt li żied jgħid li “rridu nagħtu aktar għodod lill-ispeċjalisti fil-mediċina tal-familja fil-komunità biex ikunu parti integrali mill-impenn tagħna biex intejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tas-saħħa, ħalli l-pazjenti tagħna jibqgħu jirċievu l-aqwa kura possibbli."

Din hija l-ewwel darba mill-2007 'il hawn li l-aċċess għal investigazzjonijiet fis-servizz tas-saħħa pubbliku qed jitwessa' għal speċjalisti li jaħdmu fis-settur privat. Sabiex il-proċess ikompli jitħaffef, it-talbiet għall-appuntamenti u r-riżultati kollha se jiġu pproċessati elettronikament permezz tas-sistema online myHealth. Riferimenti permezz ta' formoli stampati m'għadhomx jiġu aċċettati.

Id-Deputat Prim Ministru spjega li dan it-twessigħ tal-aċċess għall-ispeċjalisti privati fil-mediċina tal-familja huwa parti minn riforma li se titwettaq f'għadd ta' fażijiet, skont il-kapaċità tal-laboratorji u s-servizzi tal-immaġni mediċi eżistenti u futuri, sabiex ma jkunx hemm impatt mhux mixtieq fuq pazjenti li diġà qed jistennew dijanjosi u trattament.

Fl-ewwel fażi, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Settembru, speċjalisti fil-mediċina tal-familja u speċjalisti oħra fil-prattika privata se jkunu jistgħu jitolbu testijiet li jkopru s-saħħa tal-għadam, il-livelli ta' vitamini u minerali; is-saħħa tas-sistema diġestiva u tal-imsaren, inklużi testijiet tas-coeliac, batterji li jistgħu jikkawżaw ulċeri fl-istonku, infezzjonijiet u infjammazzjoni tal-imsaren; markaturi ta' infezzjoni u infjammazzjoni; valutazzjoni ta' problemi tal-qalb u ta' diffikultajiet bikrija fil-kliewi; enzimi tal-muskoli; kif ukoll monitoraġġ tal-livelli fid-demm għal pazjenti fuq trattament fit-tul għall-epilessija, kundizzjonijiet tal-qalb jew kundizzjonijiet tas-saħħa mentali.

Ostetriċi u ġinekologi se jkunu jistgħu wkoll jitolbu testijiet tad-demm ta' rutina relatati mat-tqala, inklużi l-grupp tad-demm u testijiet għall-antikorpi, testijiet tal-immunità għar-rubella u l-ġidri r-riħ, ittestjar għas-sifilide u l-epatite B u Ċ, kif ukoll markaturi użati fil-valutazzjoni ġinekoloġika u waqt it-tqala.

Se jkunu disponibbli wkoll eżamijiet bl-ultrasound tal-addome u l-pelvi, tal-kliewi u l-bużżieqa tal-awrina, tal-għonq u t-tirojde, tat-testikoli, u ta' boċċi u nefħiet taħt il-ġilda.

Il-Ministeru għas-Saħħa se jevalwa r-riżultati tal-ewwel fażi ta' dan it-twessigħ tas-servizzi għall-ispeċjalisti fil-prattika privata qabel ikompli jwettaq inizjattivi simili oħra, inkluż aktar aċċess għar-rekords kliniċi tal-pazjenti.

Il-Ministeru qed jaħdem ukoll biex iżid il-kapaċità tal-faċilitajiet għall-ittestjar u l-immaġini mediċi, li bħalissa jipproċessaw aktar minn għaxar miljun test fis-sena. Qed imexxi wkoll 'il quddiem għadd t'investimenti infrastrutturali u teknoloġiċi, fosthom il-kostruzzjoni tad-Dipartiment il-ġdid tal-Immaġini Mediċi fl-Isptar Mater Dei, kif ukoll l-ippjanar ta' proġett fil-qasam tal-bijokimika sabiex tinkiseb Awtomazzjoni Totali tal-Laboratorji (Total Laboratory Automation). Dan se jwitti t-triq għal aktar twessigħ tal-firxa ta' investigazzjonijiet aċċessibbli għall-ispeċjalisti tal-mediċina tal-familja u speċjalisti oħra fil-prattika privata fis-snin li ġejjin.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Speċjalisti fil-mediċina tal-familja u speċjalisti oħra li jaħdmu fil-privat se jkollhom aċċess għal aktar testijiet kliniċi għall-pazjenti tagħhom mill-1 ta’ Settembru
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Speċjalisti fil-mediċina tal-familja u speċjalisti oħra li jaħdmu fil-privat se jkollhom aċċess għal aktar testijiet kliniċi għall-pazjenti tagħhom mill-1 ta’ Settembru
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Speċjalisti fil-mediċina tal-familja u speċjalisti oħra li jaħdmu fil-privat se jkollhom aċċess għal aktar testijiet kliniċi għall-pazjenti tagħhom mill-1 ta’ Settembru
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow