Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Proġetti Maltin tal-arti performattiva jispikkaw f’avveniment f’Edinburgh

pr261368
Date Icon 24/08/2026

Prattikanti Maltin tal-arti performattiva ppreżentaw il-proġetti tagħhom lil professjonisti internazzjonali tal-industrija waqt avveniment ta' pitching li ttella' waqt il-Fringe Festival f'Edinburgh, fl-Iskozja. Dan bħala parti mill-programm ta' żvilupp professjonali tal-Kunsill Malti għall-Arti, liema programm idum 18-il xahar u jħejji lill-prattikanti fl-arti performattiva għat-touring internazzjonali.

Dan l-avveniment offra opportunità lill-artisti Maltin sabiex japplikaw xhur ta' mentoring u taħriġ, fejn ippreżentaw ix-xogħol tagħhom f'wieħed mill-ambjenti l-iżjed importanti fid-dinja tal-arti performattiva u hemm setgħu joħolqu konnessjonijiet diretti ma' professjonisti oħrajn li qed jaħdmu fis-settur internazzjonali.

Waqt il-Festival, qabel ma taw il-pitch tagħhom, il-prattikanti Maltin kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma' produtturi u ma' professjonisti oħrajn tal-industrija li kienu qed jaħdmu waqt il-Festival, kif ukoll ipparteċipaw f'sessjonijiet li ffukaw fuq kif setgħu jiżviluppaw ix-xows tagħhom, mill-ewwel stadju ta' pitching sal-produzzjoni.

Waqt il-Fringe Festival il-parteċipanti Maltin raw ukoll xogħol Malti li diġà kien qed jispikka waqt il-Fringe Festival, fejn il-grupp attenda għall-prestazzjoni The Trials of Magnus Coffinkey. Il-preżenza tal-produzzjoni fil-festival kienet eżempju f'waqtu ta' produzzjoni Maltija li kienet qed tilħaq lil udjenzi internazzjonali fl-istess ambjent li l-parteċipanti kienu qed jitgħallmu dwaru.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea qal, “Dan jixhed l-impenn tal-Gvern li joħloq opportunitajiet internazzjonali iżjed b'saħħithom għall-artisti Maltin u għall-prattikanti kulturali. Il-fatt li qed naraw artisti Maltin jippreżentaw xogħolhom hawn f'Edinburgh huwa ta' sodisfazzjon kbir għal kull min kien involut fil-proċess u huwa wkoll riżultat tanġibbli tad-direzzjoni li għandna għall-kultura. L-istrateġija kulturali tagħna tagħraf li d-daqs ta' pajjiżna m'għandu qatt jiddetermina l-aspirazzjonijiet tal-artisti tagħna u dan l-investiment sostnut jgħin sabiex jiżgura li opportunitajiet internazzjonali jsiru parti integrali tal-karrieri artistiċi. Għaldaqstant aħna kommessi li nkomplu nappoġġjaw l-artisti tagħna u noffrulhom opportunitajiet sabiex ikunu jistgħu jibnu karrieri li jħallu effett anke lil hinn minn xtutna."

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli qal, “F'Edinburgh il-prattikanti tagħna ngħataw l-opportunità li japplikaw il-ħiliet, l-għarfien u l-kunfidenza li żviluppaw tul il-programm tal-Kunsill. Il-pitch mhuwiex l-għan aħħari imma parti minn proċess itwal li jħejji l-artisti biex jinvolvu ruħhom ma' professjonisti internazzjonali u jifhmu dak li huwa meħtieġ biex xogħolhom jibda jiġi ppreżentat barra minn Malta. Il-fatt li l-parteċipanti qegħdin hawn, jippreżentaw il-proġetti tagħhom u jinvolvu ruħhom direttament mal-produtturi u ma' professjonisti oħrajn tal-industrija juri l-valur li ninvestu f'dan it-tip ta' żvilupp professjonali sostnut."

“Dawn l-esperjenzi jistgħu jgħinu lill-artisti biex jiżviluppaw il-prattika tagħhom, jibnu relazzjonijiet profondi u jidentifikaw opportunitajiet li jistgħu jkomplu anke wara tmiem il-Fringe Festival. L-għan tagħna hu li niżguraw li l-prattikanti Maltin huma mgħammra biex mhux biss jippreżentaw xogħolhom barra minn Malta, imma li jinnavigaw ir-realtajiet professjonali li huma parti mill-proċess ta' meta wieħed jibni karriera internazzjonali," sostna Dr Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali fil-Kunsill Malti għall-Arti, Annabelle Stivala, spjegat li l-programm tal-Kunsill beda f'Marzu u l-għan tiegħu kien li jħejji l-artisti Maltin biex jieħdu x-xogħol tagħhom barra minn Malta. Kompliet li d-dsatax-il artist li ħadu sehem, jinsabu f'Edinburgh fejn kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma' nies importanti fl-industrija fejn qed jiksbu għarfien ta' valur bil-għan li jieħdu sehem is-sena d-dieħla bix-xogħol tagħhom stess. Stivala kompliet tispjega li t-tħejjija għal din l-esperjenza kienet tinkludi sessjonijiet prattiċi li indirizzaw aspetti essenzjali fl-iżvilupp u l-preżentazzjoni ta' xogħol internazzjonalment kif ukoll l-iżvilupp ta' ħiliet u l-kunfidenza biex wieħed jagħmel pitching ta' proġetti b'mod effettiv.

“Aħna kunfidenti li l-artisti issa għandhom pedament b'saħħtu li bih jistgħu jiżviluppaw xogħolhom u jkomplu jsegwu opportunitajiet ta' touring. Din l-esperjenza hija pass importanti biex tissaħħaħ il-komunità kreattiva ta' Malta u biex jinħolqu toroq ġodda għall-artisti Maltin li jixtiequ juru xogħolhom internazzjonalment," sostniet Stivala.

L-inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti oriġinarjament attirat 30 applikazzjoni, fejn 19-il proġett għaddew għall-proċess tal-mentoring permezz ta' programm li inkorpora workshops, masterclasses, skambju ta' għarfien u taħriġ professjonali ffukat fuq it-touring internazzjonali. Il-programm jagħmel parti mix-xogħol usa' ta' internazzjonalizzazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti u mill-investiment fit-tul tiegħu fit-tisħiħ tal-kapaċità professjonali, il-mobbiltà u n-networks internazzjonali tas-setturi kulturali u kreattivi ta' Malta.

Għal aktar informazzjoni, żur https://artscouncilmalta.gov.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Proġetti Maltin tal-arti performattiva jispikkaw f’avveniment f’Edinburgh
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Proġetti Maltin tal-arti performattiva jispikkaw f’avveniment f’Edinburgh
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Proġetti Maltin tal-arti performattiva jispikkaw f’avveniment f’Edinburgh
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow