Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT L-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi qed tinbidel fi skola ġdida

pr261364
Date Icon 21/08/2026

Mis-sena d-dieħla t-tfal u l-edukaturi jibdew jesperjenzaw ambjent iktar modern u komdu

Wieħed minn sensiela ta' xogħlijiet madwar il-pajjiż bil-għan li titjieb l-infrastruttura edukattiva qed isir fl-Iskola Primarja ta' San Ġorġ f'Ħal Qormi, fejn b'investiment ta' madwar €15-il miljun l-iskola qed tinbidel f'waħda moderna. Ix-xogħol, maqsum fuq żewġ fażijiet, żamm il-qoxra tal-iskola filwaqt li l-faċilitajiet se jkunu kollha ġodda.

Il-proġett qed jgħaqqad ukoll l-investiment f'faċilitajiet u infrastruttura ġdida mal-konservazzjoni tal-karattru arkitettoniku tal-binja eżistenti, filwaqt li x-xogħlijiet qed isiru f'fażijiet sabiex l-iskola tibqa' operattiva.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar l-iskola fejn segwa l-progress tax-xogħlijiet li qed jitwettqu mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS), fosthom interventi strutturali estensivi, inkluż il-bdil ta' soqfa u estensjonijiet, u l-iżvilupp ta' spazji edukattivi u faċilitajiet ġodda għall-istudenti u l-edukaturi.

Il-Ministru Camilleri spjega kif dan il-proġett huwa parti mill-investiment kontinwu biex l-istudenti u l-edukaturi jkollhom skejjel moderni u ta' kwalità li jwieġbu għall-ħtiġijiet edukattivi tal-lum. Fisser kif l-investiment infrastrutturali fl-iskejjel huwa sostanzjali, u proġett wara ieħor iridu jwasslu għal iktar studenti li jieħdu l-esperjenza edukattiva f'ambjent aqwa u b'faċilitajiet moderni, inkluż fl-użu tat-teknoloġija, l-aċċessibbiltà, kif ukoll kumditajiet bħall-arja kundizzjonata.

“Irridu li l-ambjent fejn uliedna jitgħallmu jirrifletti l-kwalità tal-edukazzjoni li rridu noffrulhom. Għalhekk qed inkomplu ninvestu fl-iskejjel tagħna biex noħolqu spazji moderni, aċċessibbli u mgħammra għall-ħtiġijiet tal-lum. F'Ħal Qormi qed nagħtu ħajja ġdida lil skola li ilha għal snin twal parti importanti minn din il-komunità, billi nippreservaw il-karattru arkitettoniku tagħha filwaqt li nagħmlu trasformazzjoni sostanzjali fil-faċilitajiet u fl-infrastruttura tagħha. L-għan huwa wieħed ċar: ambjent edukattiv aħjar għall-istudenti tagħna u kundizzjonijiet aħjar għall-edukaturi li jaħdmu magħhom kuljum," qal il-Ministru Camilleri. Huwa sellem ukoll lill-ħaddiema li f'dawn ix-xhur ta' sħana baqgħu għaddejjin b'ritmu ma jaqta' xejn.

Il-Ministru Camilleri kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, Cory Greenland, il-Kap Eżekuttiv tal-istess fondazzjoni Aleander Balzan u uffiċjali oħra.

Doreen Camilleri, Chief Financial Officer tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS), qalet li Ħal Qormi huwa wieħed minn diversi siti fejn bħalissa l-Fondazzjoni għaddejja bi proġetti maġġuri. Hija spjegat li dan huwa proġett ambizzjuż ħafna, maqsum f'żewġ fażijiet, fejn l-iskola nqasmet fi tnejn sabiex ikun jista' jsir ix-xogħol fuq nofs, filwaqt li n-nofs l-ieħor jibqa' jintuża. Camilleri sostniet li l-iskola, li tinsab fiċ-ċentru ta' Ħal Qormi, kellha bżonn intervent kbir biex tinbidel fi skola moderna u mgħammra għall-ħtiġijiet tal-lum. Filwaqt li qed jinżammu l-faċċati u l-qoxra tal-bini, qed isiru interventi sostanzjali, fosthom it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid ta' soqfa antiki, il-bini ta' sular ieħor f'partijiet mill-iskola u interventi infrastrutturali oħra. Hija żiedet li, meta jitlesta l-proġett, l-iskola se jkollha ferm iktar faċilitajiet.

L-iskola se jkollha aktar minn 30 klassi, inklużi klassijiet tal-kindergarten u spazji ddedikati għall-arti u l-mużika, kif ukoll klassijiet multisensorjali, klassi psikosoċjali u klassi għall-iżvilupp personali u soċjali. Il-klassijiet kollha se jkunu mgħammra b'sistemi tal-arja kkundizzjonata, biex jinħoloq ambjent aktar komdu għall-istudenti u l-edukaturi. Il-proġett jinkludi wkoll interventi strutturali fis-sala tal-iskola, l-iżvilupp mill-ġdid tal-btieħi u taċ-ċentru għall-ħarsien tat-tfal.

Bħala parti mir-rikostruzzjoni, se jiġu installati servizzi ġodda tal-elettriku, ilma u drenaġġ, internet, kameras u alarms tas-sigurtà, kif ukoll sistemi ta' protezzjoni kontra n-nirien, filwaqt li se jiġu introdotti miżuri biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-ewwel fażi tal-proġett mistennija titlesta fl-ewwel kwart tal-2027, bil-proġett kollu mistenni jitlesta matul is-sena skolastika 2027/2028.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT L-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi qed tinbidel fi skola ġdida
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT L-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi qed tinbidel fi skola ġdida
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT L-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi qed tinbidel fi skola ġdida
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow