Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Avvanzat ir-ristrutturar tal-isptar tal-annimali li ser jintuża wkoll għat-taħriġ prattiku tal-istudenti fil-korsijiet tal-veterinarji

PR261360
Date Icon 20/08/2026

L-isptar tal-annimali f'Ta' Qali ġie ristrutturat u attrezzat b'apparat modern biex fi ftit żmien ieħor jibda jintuża wkoll mill-istudenti tal-MCAST li qegħdin isegwu l-kors tal-veterinarji li issa beda jiġi offrut f'Malta filwaqt li jservi wkoll bħala sptar tal-annimali.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri flimkien ma' uffiċjali tal-MCAST żar l-aħħar xogħlijiet li qegħdin isiru fl-isptar tal-annimali biex mis-sena akkademika li jmiss jibda iservi għat-taħriġ prattiku tal-istudenti li qegħdin isegwu l-korsijiet li jwasslu għal Master of Science in Veterinary Medicine u l-Bachelor of Science (Honours) in Animal Management and Veterinary Nursing.

“B'dan l-isptar tal-annimali qed ninvestu fl-infrastruttura meħtieġa biex l-MCAST jipprovdi t-taħriġ kliniku u prattiku fis-servizzi veterinarji tal-ogħla livell. B'hekk nassiguraw li l-istudenti jiksbu esperjenza prattika u professjonali fil-kura veterinarja mill-proċeduri dijanjostiċi sa interventi kirurġiċi fuq l-annimali,"  qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Camilleri qal li l-koperazzjoni tal-MCAST mal-Università ta' Barċellona għal dawn il-korsijiet kompliet tissaħħaħ tant li l-ewwel grupp ta' studenti Maltin anke ngħataw l-opportunità li jagħmlu xahar ta' taħriġ kliniku fl-Università ta' Barċellona.

Il-Ministru Camilleri qal li dawn il-programmi edukattivi sa ftit snin ilu ma kienux isiru f'Malta u kien bl-impenn tal-Gvern li l-MCAST kiseb l-esperjenzi professjonali meħtieġa biex joffri dawn l-opportunitajiet.

B'dan l-isptar, filfatt, ser ikun parti integrali mit-taħriġ tal-istudenti, partikolarment hekk kif javvanzaw fl-MSc ta' ħames snin u jiżdied il-komponent kliniku tal-programm. Il-faċilità se tippermettilhom jaħdmu taħt superviżjoni ma' annimali u każijiet kliniċi reali, u jiksbu esperjenza fi proċeduri dijanjostiċi, trattamenti, kif ukoll interventi mediċi u kirurġiċi. B'hekk, l-għarfien xjentifiku miksub matul l-istudji jkun jista' jitqiegħed fil-prattika f'ambjent kliniku. 

Il-Ministru spjega li d-domanda għal dawn is-servizzi qiegħda kull ma jmur tiżdied waqt li nnota b'sodisfazzjon in-numru sabiħ ta' studenti li diġà qegħdin isegwu dawn il-korsijiet u n-numru akbar li din is-sena applikaw għalihom.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Stephen Vella, tenna li “hekk kif qed inħejju għal sena akkademika ġdida, irridu nkomplu noħolqu opportunitajiet ġodda għall-istudenti tagħna. L-investiment tagħna fl-istudji veterinarji huwa parti minn dan l-impenn, billi nagħtu lill-istudenti l-opportunità li jistudjaw, jitħarrġu u jiksbu esperjenza prattika f'Malta, filwaqt li jħejju ruħhom għal professjoni li pajjiżna għandu bżonn."

L-ewwel grupp ta' studenti tal-Master of Science in Veterinary Medicine ser jiggradwaw mill-MCAST fl-2029 u jkunu jistgħu jiksbu l-warrant professjonali li jkun rikonoxxut kemm f'Malta kif ukoll fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Ritratt: MES

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Avvanzat ir-ristrutturar tal-isptar tal-annimali li ser jintuża wkoll għat-taħriġ prattiku tal-istudenti fil-korsijiet tal-veterinarji
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow