Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Konkluża l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Riforma tal-Appelli fl-Ippjanar

PR261359
Date Icon 20/08/2026

Fl-ewwel ftit xhur ta' Gvern ġdid ġie uffiċjalment konkluż il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-appelli fl-ippjanar.

Matul il-perjodu ta' konsultazzjoni, il-Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol irċieva numru ta' sottomissjonijiet u osservazzjonijiet mingħand ċittadini, għaqdiet, professjonisti, stakeholders u entitajiet interessati, li taw il-kontribut tagħhom dwar il-qafas leġiżlattiv propost.

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard qal li l-konsultazzjoni kienet parti essenzjali minn proċess li għandu jwassal għal sistema aktar ġusta, trasparenti u effettiva għall-appelli fl-ippjanar.

“Issa li l-konsultazzjoni pubblika għalqet nixtieq nirringrazzja lil kull min ipparteċipa b'mod kostruttiv. Dan huwa suġġett li jolqot direttament lill-komunitajiet tagħna, il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-fiduċja fis-sistema tal-ippjanar. Għalhekk kien importanti li nisimgħu l-opinjonijiet u l-proposti kollha qabel nimxu għall-fażi li jmiss," qal il-Ministru Attard.

Ir-riforma proposta hija mibnija fuq tliet pilastri ewlenin: is-sospensjoni awtomatika ta' permessi relevanti meta jiġi ppreżentat appell, termini ċari biex il-każijiet jiġu deċiżi f'waqthom, u aktar diġitalizzazzjoni u għodod amministrattivi biex jissaħħaħ ix-xogħol tat-Tribunal tal-Appelli dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Il-Ministru Attard sostna li l-għan ewlieni tar-riforma huwa li tindirizza sitwazzjoni li ilha tinħass fis-sistema għal snin twal, fejn minkejja li l-liġi tipprovdi dritt ta' appell, f'ċerti każijiet il-permess ikun diġà ġie implimentat qabel ma jintemm il-proċess ta' appell.

“Mhux biżżejjed li d-dritt ta' appell jeżisti fil-liġi jekk ma jkunx jista' jipproduċi effett reali fil-prattika. Din mhijiex riforma favur jew kontra l-iżvilupp. Hija riforma favur il-ġustizzja, il-bilanċ u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet. Qed noħolqu sistema fejn id-drittijiet tal-appellanti jiġu mħarsa, filwaqt li nibqgħu niggarantixxu ċertezza legali u prevedibbiltà għal min ikun kiseb permess b'mod regolari," qal il-Ministru.

Il-proposti jinkludu wkoll sistemi aktar moderni ta' notifika elettronika, titjib fir-reġistri diġitali, koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn it-Tribunal, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Qrati, kif ukoll l-introduzzjoni ta' assistenza amministrattiva dedikata għat-Tribunal sabiex il-każijiet jiġu amministrati b'mod aktar effiċjenti u mingħajr dewmien bla bżonn.

Il-Ministru Attard qal li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed issir evalwazzjoni dettaljata tal-kontributi li waslu matul il-konsultazzjoni sabiex, fejn ikun xieraq, dawn jiġu riflessi fil-verżjoni finali tar-riforma.

“Irridu sistema aktar ġusta, aktar trasparenti u aktar kredibbli, fejn l-appell mhux biss jeżisti fil-liġi iżda jkun kapaċi jipproduċi rimedju reali. Din hija riforma favur il-governanza tajba u favur aktar fiduċja fis-sistema tal-ippjanar," temm jgħid il-Ministru Attard.

Il-Gvern issa se jkompli bil-ħidma meħtieġa biex ir-riforma tavvanza fil-proċess parlamentari, bil-għan li jitwettaq l-impenn favur sistema tal-ippjanar aktar effettiva, bilanċjata u ġusta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Konkluża l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Riforma tal-Appelli fl-Ippjanar
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow