STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA L-Isptar Mater Dei jibda jagħti l-mediċina Emicizumab lill-pazjenti bl-Emofilja A f’Malta
Il-Ministeru għas-Saħħa beda jagħti trattament ġdid, permezz tal-mediċina, Emicizumab, lil persuni bl-Emofilja A.
Pazjenti b’din il-kundizzjoni rari tad-demm ikollhom nuqqas tal-Fattur VIII, li huwa meħtieġ għall-koagulazzjoni normali tad-demm. Il-mediċina Emicizumab tgħin biex tiffaċilita l-proċess tal-koagulazzjoni, mingħajr il-ħtieġa ta’ żjarat frekwenti għall-kura fl-isptar. B’hekk din il-mediċina hija aktar komda għall-pazjenti minn trattamenti oħra.
Wara li fil-jiem li għaddew l-ewwel pazjenti bdew jirċievu dan it-trattament fl-isptar Mater Dei, is-servizz se jkompli jitwessa’ gradwalment matul ix-xhur li ġejjin, bil-għan li eventwalment il-pazjenti jkunu jistgħu jieħdu l-kura huma stess fil-kumdità ta’ darhom. Dan mistenni jtejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-persuni.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg qal li l-Gvern qed ikompli jaħdem biex iżid l-aċċess għal mediċini f’Malta u Għawdex. “Qed inkomplu naraw kif nespandu s-servizzi tagħna fil-qasam tal-mediċina u niżguraw li l-pazjenti jkollhom aċċess għal trattamenti innovattivi li jistgħu jagħmlu differenza konkreta f’ħajjithom. L-introduzzjoni tal-Emicizumab tkompli tikkumplimenta l-mediċini u t-trattamenti li diġà qed noffru lill-pazjenti u se ttejjeb b’mod konsiderevoli l-kwalità tal-ħajja u l-esperjenza tan-nies li għandhom bżonn din il-kura,” qal id-Deputat Prim Ministru.
It-Tabib Ewlieni tal-Gvern, Dr Clarence Pace spjega li b’differenza mit-trattamenti tradizzjonali li jirrikjedu infużjonijiet frekwenti, l-Emicizumab joffri l-istess kura b’injezzjonijiet ferm inqas ta’ spiss. “Fejn qabel il-kura farmaċewtika għal din il-kundizzjoni kienet tirrikjedi li jingħataw mediċini taħt forma ta’ infużjoni fil-vina, issa tista’ tingħata din il-mediċina bħala injezzjoni taħt il-ġilda, ferm inqas ta’ spiss, u eventwalment, il-pazjenti jkunu jistgħu joħduha fil-kumdità ta’ darhom. Dan ifisser inqas bżonn ta’ vjaġġi lejn l-isptar, u inqas diffikultajiet għall-pazjenti,” qal Dr Pace.
Din il-miżura tkompli ssaħħaħ l-impenn kontinwu tal-Gvern li jinvesti f’terapiji ġodda li jtejbu r-riżultati kliniċi u l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti, filwaqt li jnaqqsu l-piż fuqhom u fuq il-familji tagħhom. Permezz ta’ trattamenti li jistgħu jingħataw ukoll fid-dar u b’inqas frekwenza, il-pazjenti jingħataw aktar indipendenza u flessibbiltà fil-ħajja ta’ kuljum.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922