Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U L-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Cat Cafe ġdid f’Bormla permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

pr261357
Date Icon 19/08/2026

L-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla ffirmaw ftehim li permezz tiegħu proprjetà pubblika f’Triq it-Tlett Ibliet, Bormla, se tingħata lill-Kunsill Lokali għal perjodu ta’ ħames snin.

Il-proprjetà, li tkopri madwar 1,571 metru kwadru, se tintuża għall-iżvilupp ta’ Cat Cafe, li se jservi kemm bħala spazju għall-komunità kif ukoll bħala ambjent adattat għall-qtates li jgħixu fiż-żona.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla se jkun jista’ jagħmel użu aħjar minn spazju pubbliku u jiżviluppah f’post li jikkontribwixxi għat-titjib tal-ambjent tal-madwar, filwaqt li joffri wkoll servizz b’benefiċċju dirett għall-komunità u għall-annimali.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici qal li dan il-ftehim huwa eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern qed ikompli jaħdem mal-Kunsilli Lokali biex proprjetà pubblika tintuża bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tal-komunitajiet.

“Meta proprjetà pubblika tingħata ħajja ġdida u tintuża b’mod li jindirizza l-ħtiġijiet tal-komunità, inkunu qed niżguraw li r-riżorsi tal-pajjiż qed jaslu fejn jistgħu jagħmlu l-akbar differenza. Il-Kunsilli Lokali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tar-residenti tagħhom u għalhekk huwa importanti li nibqgħu nagħtuhom l-appoġġ u l-ispazju meħtieġ biex iwettqu l-ħidma tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza tal-ħidma kontinwa bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali sabiex spazji pubbliċi jingħataw użu ġdid u jkunu ta’ benefiċċju dirett għall-komunità. “Il-ħidma flimkien bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali hija ċ-ċavetta biex inkomplu noħolqu komunitajiet aktar b’saħħithom, b’aktar spazji li jkunu ta’ ġid għar-residenti.” Hija qalet li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni qed ikomplu jitwettqu proġetti li jwieġbu għall-ħtiġijiet partikolari ta’ kull lokalità.

Is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius qal li dan il-ftehim se jwassal għal użu ġdid ta’ dan l-ispazju u joffri opportunità biex jinħoloq ambjent li jgawdu minnu kemm ir-residenti kif ukoll dawk li jieħdu ħsieb il-qtates li jgħixu fit-toroq. “Dan huwa pass ieħor fil-ħidma tagħna biex inkomplu ntejbu l-ispazji fil-komunità u nagħtu ħajja lil proprjetajiet li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għar-residenti. Il-Cat Cafe se jkun proġett li jgħaqqad l-imħabba lejn l-annimali mal-ħtieġa għal spazji aktar komunitarji u aċċessibbli,” qal is-Sindku Agius.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella, kif ukoll is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla Crystal Degabriele.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET U L-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Cat Cafe ġdid f’Bormla permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow