STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Binja ġdida tal-Ħabs f’Ħal Far
Permezz ta' Avviż Legali li kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern illum, persuni li huma inkarċerati se jkunu trasferiti lejn Ħal Far f'binja illi kienet attrezzata apposta biex tilqa' persuni l-ħabs li huma ta' nazzjonalità barranija u jinsabu lejn l-aħħar tas-sentenza tagħhom. Dawn il-priġunieri mbagħad jiġu deportati mill-pajjiż wara li jiskontaw is-sentenza.
Din il-miżura qed tittieħed primarjament għal raġunijiet ta' sigurtà. Il-binja li tifforma parti miċ-Ċentru ta' Detenzjoni hija attrezzata b'sigurtà u kundizzjonijiet simili li l-persuni li se jirrisjedu fiha kellhom f'Kordin.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield qal li s-suċċess li qed ikollha l-Pulizija qed twassal aktar nies quddiem il-Ġustizzja u dan qed iħalli effett fuq il-Ħabs. Minn Kordin qed joħorġu medja ta' 5 persuni kuljum u jidħlu 10. Dan huwa ħabs illi nbena mill-Ingliżi fl-1850, kważi mitejn sena ilu u minkejja li baqa' jsir bini ieħor, hemm limitazzjonijiet ta' x'jista' jsir. Għaldaqstant, matul il-ġimgħat li għaddew saru bosta diskussjonijiet kif jista' jkun hemm titjib fl-istrutturi u fil-faċilitajiet għall-persuni inkarċerati.
Il-Ministru Bedingfield żied jgħid illi: “Ma' din il-miżura se nkunu qed nieħdu miżuri oħrajn biex waqt li nassiguraw is-sigurtà u kundizzjonijiet xierqa għal kull min huwa inkarċerat. Dan isir fir-rispett tal-obbligi legali u konvenzjonijiet Ewropej illi Malta hija firmatarja tagħhom."
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922