Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Titneħħa restrizzjoni fuq l-għoti tad-demm għal persuni li għexu fir-Renju Unit

pr261353
Date Icon 17/08/2026

Permezz ta’ din id-deċiżjoni madwar 15,000 persuna Brittanika f’Malta se jkunu jistgħu jibdew jagħtu d-demm

Mil-lum, persuni li għexu fir-Renju Unit inklużi Maltin li studjaw u ħadmu fil-pajjiż bejn l-1980 u l-1996 jistgħu jkunu eliġibbli biex jagħtu d-demm f’Malta, hekk kif tneħħiet restrizzjoni li kienet ilha fis-seħħ għal numru ta’ snin minħabba tħassib marbut mal-varjant Creutzfeldt-Jakob Disease (vCJD).

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li riċerka xjentifika u sorveljanza fit-tul urew li m’hemmx riskju li din il-marda, li kienet preżenti fir-Renju Unit matul dawk is-snin, tiġi trażmessa permezz tal-għoti tad-demm illum. Id-deċiżjoni ssegwi wkoll linji gwida aġġornati mill-European Directorate for the Quality of Medicines & HealthCare (EDQM).

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg għal darba oħra tenna l-impenn biex aktar persuni jiġu mħeġġa jagħtu d-demm. Impenn li għamel ftit tal-ġimgħat ilu meta f’waħda mill-ewwel inizjattivi tiegħu bħala ministru responsabbli mis-saħħa, ingħaqad ma’ numru sabiħ ta’ ħaddiema tal-Ministeru biex jagħti d-demm. Huwa tenna l-appell lil kull min huwa eliġibbli biex jagħmel dan il-ġest ta’ solidarjetà.

Ir-reviżjoni ta’ din ir-restrizzjoni kienet ukoll fost is-suġġetti diskussi f’laqgħa li Dr Borg kellu ftit tal-jiem ilu mal-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit f’Malta, Victoria Busby. Din il-laqgħa saħħet il-proċess li kien diġà għaddej u li issa wassal għat-tneħħija ta’ din ir-restrizzjoni.

“Fil-laqgħa mal-Kummissarju Għoli ddiskutejna proprju din ir-restrizzjoni, fi żmien meta kien diġà għaddej ix-xogħol meħtieġ biex din tiġi riveduta. Illum, bis-saħħa tar-riċerka u l-istudji xjentifiċi li saru, qed inneħħuha u qed nagħtu lil aktar persuni l-opportunità li jagħmlu l-parti tagħhom. Nieħu din l-opportunità biex intenni l-appell sabiex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu – dan huwa ġest nobbli li jsalva l-ħajjiet,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.

It-Tabiba Monique Debattista, il-persuna responsabbli u direttur mediku fi ħdan is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, spjegat li fir-reġistru tas-Servizz hemm madwar 350 persuna li fil-passat urew ix-xewqa li jagħtu d-demm iżda ma setgħux minħabba din ir-restrizzjoni. Dawn se jiġu kkuntattjati u mħeġġa biex isiru donaturi, għall-ewwel darba jew mill-ġdid wara ħafna snin.

“Ninsabu tassew kuntenti b’dan it-tibdil għaliex nafu li hemm numru sostanzjali ta’ persuni li jixtiequ jagħtu d-demm iżda li, minħabba din ir-restrizzjoni, għal ħafna snin ma setgħux jagħmlu dan. Issa se nkunu nistgħu nilqgħu lura donaturi li kellhom jieqfu u, fl-istess waqt, nilqgħu donaturi ġodda,” qalet Dr Debattista.

Ir-residenta Brittannika Sara Hazzard, li kienet fost l-ewwel persuni li setgħu jagħtu d-demm wara t-tneħħija tar-restrizzjoni, qalet li l-komunità Brittannika kienet ilha tistenna din il-bidla u ħeġġet lil dawk li sal-lum ma setgħux jagħtu d-demm biex issa jagħmlu dan. “Kienet esperjenza tassew sabiħa li finalment stajt nagħti xi ħaġa lura lill-komunità permezz ta’ din l-opportunità. Nixtieq inħeġġeġ lil numru ta’ ħbieb u familjari li ta’ spiss jistaqsu jekk jistgħux jagħtu d-demm biex issa jagħmlu bħali huma wkoll.”

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Titneħħa restrizzjoni fuq l-għoti tad-demm għal persuni li għexu fir-Renju Unit
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Titneħħa restrizzjoni fuq l-għoti tad-demm għal persuni li għexu fir-Renju Unit
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Titneħħa restrizzjoni fuq l-għoti tad-demm għal persuni li għexu fir-Renju Unit
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow