STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Għada t-Tnejn jibda l-bini tal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u swali ġodda għall-kura akuta tas-saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei
Għada, it-Tnejn filgħaxija, il-ħaddiema u l-kuntratturi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi se jibdew il-bini tal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, flimkien ma’ taqsima ġdida għall-kura akuta tas-saħħa mentali, u faċilitajiet oħra tas-saħħa.
Hekk kif ħabbar il-bidu tax-xogħlijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Dr Ian Borg spjega li dan l-investiment ta’ €120 miljun huwa l-ewwel tkabbir maġġuri tas-servizzi tal-emerġenza f’dan l-isptar ewlieni tal-kura terzjarja f’Malta minn meta nfetaħ 19-il sena ilu. Għall-ewwel darba f’Malta, dan il-proġett se jintroduċi wkoll servizzi akuti tas-saħħa mentali fi ħdan l-isptar, biex ikompli jgħaqqad flimkien il-kura tas-saħħa fiżika ma’ dik mentali, bħala żewġ aspetti fundamentali, marbutin flimkien, għall-benessere tal-persuna, lejn servizzi tas-saħħa aktar komprensivi li jpoġġu l-pazjent fiċ-ċentru ta’ kull servizz.
“Malta qed tkompli għaddejja bi żviluppi soċjali u ekonomiċi sostanzjali, filwaqt li qed ngħixu aktar, u l-popolazzjoni anzjana qed tibqa’ tikber, u dan qed iżid id-domanda għas-servizzi tas-saħħa. Flimkien ma’ investimenti oħra, dan il-proġett se jiżgura li s-servizzi tal-Emerġenza tagħna jkollhom l-infrastruttura, it-teknoloġiji avvanzati u l-ħaddiema li pajjiżna għandu bżonn illum u fil-futur. Irridu noffru kura aħjar u aktar effiċjenti, filwaqt li nagħtu ambjent tax-xogħol aħjar lill-ħaddiema dedikati tagħna f’dan il-qasam,” qal Dr Borg.
Permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern se jirdoppja l-kapaċità tas-servizzi tal-Emerġenza f’Malta, hekk kif l-għadd ta’ kmamar tal-kura t’emerġenza se jiżdiedu minn 35 għal 70, bi tqassim maħsub biex itejjeb id-dħul u l-ħruġ tal-pazjenti u l-effiċjenza operattiva tad-Dipartiment. Se jiżdiedu wkoll ir-riżorsi għall-kura tal-emerġenza pedjatrika. Il-binja l-ġdida se jkollha wkoll spazji aktar siguri u adattati għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Emerġenza, b’uffiċini ġodda, spazji għal-laqgħat u t-taħriġ, kmamar fejn il-ħaddiema jkunu jistgħu jbiddlu, u servizzi tal-istaff oħra.
L-unità l-ġdida għall-kura akuta tas-saħħa mentali se jkollha għadd ta’ swali, b’kapaċità totali ta’ 135 sodda għall-kura psikjatrika tal-ogħla livella. Se tinkludi wkoll ġnien terapewtiku mfassal apposta, sabiex il-pazjenti jkollhom ambjent trankwill li jgħinhom jirpiljaw.
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, lestiet il-proċess tal-għażla tal-kuntratturi ta’ dan il-proġett ftit ġimgħat ilu u mill-ewwel bdiet it-tħejjijiet għax-xogħlijiet fuq il-post. Għada, it-Tnejn filgħaxija (17 t’Awwissu), il-kuntratturi se jibdew ipoġġu strutturi temporanji biex jisseparaw b’mod sigur is-sit tal-kostruzzjoni tal-proġett, li jinsab biswit id-Dipartiment tal-Emerġenza eżistenti, mill-bqija tal-Isptar. Wara jibdew ix-xogħlijiet ta’ tneħħija ta’ strutturi eżistenti u t-tħaffir.
Id-Dipartiment tal-Emerġenza eżistenti se jibqa’ jopera b’mod sħiħ matul ix-xogħlijiet. Madankollu, uħud mill-ispazji għall-parkeġġ barra l-binja se jingħalqu. Matul l-istadji differenti tal-proġett se jkun hemm arranġamenti temporanji għall-parkeġġ u rotot apposta fejn il-pazjenti jkunu jistgħu jitniżżlu mill-vetturi, sabiex jinżamm aċċess sigur u effiċjenti għad-Dipartiment tal-Emerġenza f’kull ħin.
L-Isptar Mater Dei qed jalloka aktar ħaddiema t’appoġġ u tas-sigurtà fiż-żona biex jiggwidaw lill-pazjenti u lil dawk li jkunu qed jakkumpanjawhom. Qed jitwaħħlu wkoll aktar tabelli direzzjonali biex jiffaċilitaw l-aċċess.
Il-Ministeru għas-Saħħa jfakkar ukoll lill-pubbliku li dawk li ma jkunux ċerti jekk id-diffikultajiet mediċi tagħhom jeħtieġux assistenza ta’ emerġenza għandhom iċemplu l-helpline 1400, disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Permezz ta’ dan is-servizz, tista’ titkellem ma’ professjonisti tas-saħħa b’esperjenza, li jiggwidawk lejn l-aktar post fejn tista’ tirċievi l-kura bl-aktar mod sigur fl-iqsar żmien possibbli, hekk kif jista’ jkun hemm faċilitajiet oħra aktar adattati għall-kura li teħtieġ minflok l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-Isptar Mater Dei jħeġġu lill-pubbliku jsegwi l-mezzi soċjali taż-żewġ entitajiet għall-aħħar aġġornamenti dwar dan il-proġett u avviżi relatati.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922