Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Id-Deputat Prim Ministru Borg jirreġistra bħala donatur tal-organi fil-Jum Dinji tad-Donazzjoni tal-Organi

PR261340
Date Icon 13/08/2026

30,548 donatur tal-organi rreġistrati f'Malta

Fil-Jum Dinji tad-Donazzjoni tal-Organi, il-Ħamis 13 ta' Awwissu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, ħeġġeġ biex aktar persuni jirreġistraw biex ikunu donaturi tal-organi wara mewthom, hekk kif fakkar li donatur wieħed jista' jgħin biex jiġu salvati sa tmien ħajjiet.

Waqt laqgħa ma' persuni li rċevew trapjant, donaturi tal-organi rreġistrati u familji ta' donaturi tal-organi, Dr Borg tkellem dwar it-tbatija li jiffaċċjaw pazjenti meta jqattgħu żmien twil jistennew trapjant. Għal uħud, l-istennija jaf tkun twila wisq. Fl-2024, 8,591 pazjenti madwar l-Ewropa mietu waqt li kienu qed jistennew trapjant, u dan ikompli jikkonferma l-ħtieġa urġenti li aktar persuni jirreġistraw bħala donaturi.

Qraba ta' donaturi tal-organi tkellmu dwar l-appoġġ li rċevew mill-ħaddiema tal-isptar wara li saru jafu li l-organi tal-għeżież tagħhom li tilfu ħajjithom setgħu jingħataw biex jgħinu lil pazjenti oħrajn. Spjegaw is-sens ta' konnessjoni u ferħ li ħassew meta rċevew ittri anonimi ta' ringrazzjament mingħand persuni li rċevew trapjant u li ħajjithom setgħu jiġu salvati permezz ta' dawn id-donazzjonijiet.

“Meta nirreġistraw bħala donaturi tal-organi, inkunu qed insalvaw il-ħajja ta' oħrajn fil-futur – u dan huwa forsi l-akbar legat li nistgħu nħallu warajna," qal id-Deputat Prim Ministru, filwaqt li esprima l-ammirazzjoni tiegħu lejn id-donaturi rreġistrati, lejn dawk li wara mewthom taw diversi organi, kif ukoll donaturi ħajjin li jagħtu kilwa jew parti mill-fwied tagħhom lil pazjenti li jkollhom bżonn trapjant.

Huwa rringrazzja wkoll lil dawk kollha li jaħdmu biex iqajmu aktar kuxjenza dwar l-importanza tad-donazzjoni tal-organi, fosthom il-ħaddiema tar-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei, il-membri tat-Transplant Support Group, u uffiċjali mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, fost oħrajn.

Dr Borg ħeġġeġ lill-familji f'Malta u Għawdex biex ma joqgħodux lura milli jiddiskutu d-deċiżjoni li jsiru donaturi tal-organi, sabiex jirregalaw il-ħajja wara l-mewt. Reċentement, l-introduzzjoni ta' reġistrazzjoni sigura online permezz tas-sit organdonation.gov.mt għamlet il-proċess saħansitra aktar faċli, hekk kif persuna tista' tirreġistra fi ftit minuti permezz tal-e-ID.

Fi tmiem il-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru, li fil-passat kien diġà ssieħeb fl-iskema volontarja tad-donaturi tal-organi li kienet teżisti qabel, issottometta r-reġistrazzjoni tiegħu biex isir donatur tal-organi rreġistrat uffiċjalment skont il-liġijiet attwali.

Imwaqqaf fl-2016, ir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti Umani bħalissa jinkludi 30,548 donaturi tal-organi rreġistrati. Matul dawn l-aħħar sentejn u nofs, aktar minn 2,410 persuni ssieħbu fir-Reġistru, wara diversi inizjattivi ta' għarfien mill-awtoritajiet tas-saħħa, mit-Transplant Support Group u minn organizzazzjonijiet oħra.

Ir-Reġistru, li jitmexxa mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, huwa rendikont legali uffiċjali tax-xewqat tal-individwi dwar id-donazzjoni tal-organi. L-għan tiegħu huwa li jirrispetta l-awtonomija personali, jipprovdi ċarezza lill-professjonisti tas-saħħa, u jiffaċilita d-donazzjoni sigura u etika ta' organi u tessuti għal skopijiet ta' trapjant. Ir-Reġistru ssostitwixxa l-iskema preċedenti tad-donaturi tal-organi, li ma kellhiex validità legali.

Nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, 13 u 14 ta' Awwissu, bejn id-disgħa ta' filgħodu u n-nofs siegħa ta' waranofsinhar, il-pubbliku jista' jiltaqa' ma' membri tat-Transplant Support Group, fid-daħla ewlenija tal-Isptar Mater Dei, sabiex isiru jafu aktar dwar id-donazzjoni tal-organi u jirreġistraw biex isiru donaturi wara l-mewt.

Aktar tagħrif jinsab fis-sit organdonation.gov.mt.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Id-Deputat Prim Ministru Borg jirreġistra bħala donatur tal-organi fil-Jum Dinji tad-Donazzjoni tal-Organi
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Id-Deputat Prim Ministru Borg jirreġistra bħala donatur tal-organi fil-Jum Dinji tad-Donazzjoni tal-Organi
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Id-Deputat Prim Ministru Borg jirreġistra bħala donatur tal-organi fil-Jum Dinji tad-Donazzjoni tal-Organi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow